Internazzjonali

Filippini: Tifun Goni jikkaġuna l-maltemp katastrofiku

Il-poplu tal-Filippini, fl-aħħar sigħat, ġarrab l-effetti tal-aktar maltempata qawwija li laqtet lill-pajjiż matul is-sena.

Dan meta t-Tifun Goni kien qed javvanza tul it-territorji ta’ dan il-pajjiż fejn iġġenera l-irwiefen ‘katastrofiċi’  ta’ 225 kilometru fis-siegħa minbarra ħalbiet tax-xita kontinwi li kkaġunaw l-għargħar f’numru ta’ bliet.

Ir-rapporti qalu li mietu talanqas erba’ persuni b’riżultat tal-elementi, bil-maltemp jikkaġuna l-ħsarat fid-djar minbarra inċidenzi ta’ għargħar ‘fi kwistjoni ta’ ftit minuti’.

L-awtoritajiet qalu li ‘Goni’ laqat il-gżira ta’ Catanduanes ‘bil-forza ta’ super-tifun’ għalkemm deher li tilef ftit mis-saħħa waqt li kien għaddej mill-gżira ewlenija ta’ Luzon, fejn hemm il-kapitali Filippina, Manila.

Madankollu, kien hemm xorta waħda tbassir ta’ ‘irwiefen vjolenti fuq livell katastrofiku, minbarra ħalbiet ġodda ta’ xita regolari’. It-tbassir irrefera wkoll għal valangi tal-art potenzjali, bl-element ta’ periklu jkompli jiżdied għall-poplu Filippin.

It-tifun ‘Goni’ kompla jiġġenera l-agħar maltemp fil-Filippini mindu l-pajjiż, fl-2013, intlaqat minn Tifun Haiyan li kien sewa l-ħajja ta’ ‘il fuq minn 6,000 persuna.

Fl-aħħar sigħat hemm inkwiet partikulari għad-destin tar-residenti fil-belt ta’ Virac, fil-gżira ta’ Catanduanes, fejn qed jgħixu mas-70,000 persuna. Il-kuntatt ma’ Virac intilef mindu l-gżira ntlaqtet mill-ewwel effetti tat-Tifun Goni.

Il-maltemp, intant, qaċċat is-soqfa tad-djar minbarra li kkaġuna problemi fis-sistema tad-dawl u għal mezzi oħra tal-infrastruttura.

Il-vittmi jinkludu tfajjel ta’ ħames snin fil-provinċja ta’ Albay – bi tnejn imutu mgħarrqin u b’ieħor jispiċċa mkaxkar ‘mill-gliegel ta’ tajn vulkaniku’. Mistenni li n-numru tal-vittmi jiżdied fis-sigħat li jmiss.