Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jiddisassoċja ruħu minn Ryan Mercieca

Fid-dawl tal-elezzjoni każwali fuq it-13-il Distrett, wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Partit, Bernard Grech, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Francis Zammit Dimech talab lill-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media tal-Partit biex tinvestiga dak li kien irrapurat fuq Ryan Mercieca li kien kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali fid-dawl ta’ rapporti li kienu dehru fuqu f’sezzjonijiet differenti tal-media, u anki fid-dawl ta’ sentenza tal-Qrati tal-Ġustizzja li kienet ingħatat (wara l-aħħar Elezzjoni Ġenerali)  f’kawża ta’ libell li kien għamel l-istess Ryan Mercieca.

 Wara li l-Kummissjni Etika, Dixxiplina u Media tal-Partit Nazzjonalista iltaqgħet nhar is-Sibt 31 ta’ Ottubru biex tikkomnsidra b’urġenza l-każ imressaq mis-Segretarju Ġenerali Francis Zammit Dimech kontra Ryan Mercieca, u wara li l-istess Ryan Mercieca ingħata kull oppportunita’ jippreżenta kull argument li dehrlu xieraq min-naħa tiegħu, anki bl-assistenza ta’ avukat tal-fiduċja tiegħu, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li Ryan Mercieca ma irnexxilux jagħti spjegazzjoni sodisfaċjenti għall-akkużi serji li kienu saru kontra tiegħu, u għalhekk ma tistax tqisu bħala kandidat li għandu joħroġ f’isem il-Partit Nazzjnalista għall-elezzjoni każwali.

Wara li Ryan Mercieca min-naħa tiegħu iddikjara li mhux dispost joqgħod għad-direzzjoni tal-Partit u li xorta waħda kien bi ħsiebu joħroġ għall-istess elezzjoni każwali, il-Kummissjoni Etika, Dixxiplina u Media irrakkomandat li l-Partit Nazzjonalista jiddissasoċja ruħu mill-kandidatura ta’ l-istess Ryan Mercieca u li jibda l-proċeduri meħtieġa għat-tkeċċija tiegħu mill-Partit.

 Il-Partit Nazzjonalista qed jilqa’ u jagħmel tiegħu dawn ir-rakkomandazzjonijiet u b’effett immedjat jiddissasoċja ruħu minn Ryan Mercieca, apparti li se jittieħdu l-proċeduri ulterjuri kollha meħtieġa, u dan għax għall-Partit Nazzjonlista japplkaw, bla riserva, u kontra kull min ikun hemm bżonn,  l-ogħla standards ta’ etika u aġir korrett fil-ħajja pubblika.