“Dan huwa l-wirt tal-qaddisin fis-sema li aħna nixxenqu għalih, dan hu l-għatx, dan hu l-ġuħ għall-ġustizzja li l-Mulej poġġa fil-qalb tagħna. Min ifittex wiċċ il-Mulej, isib il-ħniena għaliex min m’għandux bżonn ħniena, għadu ma bediex ifittex wiċċ il-Mulej.”
Saħaq dan l-Arċisqof, Charles Scicluna, waqt l-omelija tal-quddiesa tas-Solennità tal-Qaddisin kollha l-Ħadd fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Fiha, l-Arċisqof laqa’ uffiċjalment it-talba ta’ 3 seminaristi biex isiru Djakni u eventwalment Saċerdoti:
“Tehdew qatt, tieqfu qatt tfittxu wiċċ il-Mulej. Il-Mulej jagħtikom, la qiegħed jagħżilkom għas-saċerdozju, il-grazzja li tiltaqgħu ma’ wiċċu fil-poplu għażiż tagħna. (…) Intom tridu tiltaqgħu mal-Mulej u tfittxu ’l wiċċu intom u tħarsu lejn il-poplu għażiż tiegħu. Dik hi t-triq ta’ qdusija li l-Mulej Alla llum, f’isem il-Knisja, qiegħed isejħilkom għaliha.”

Dawn huma Gylan Camilleri, Ian Diacono u Clive Seychell mill-parroċċi ta’ Sant’Anna ta’ Wied il-Għajn, Stella Maris ta’ tas-Sliema, u San Ġużepp tal-Kalkara rispettivament, li lkoll stqarru r-rieda li joffru lilhom infushom biex iservu lill-Knisja Kattolika bħala qassisin.

Minn naħa tiegħu, l-Arċisqof talabhom biex ikomplu bit-tħejjijiet tagħhom fiż-żmien li ġej sabiex ikunu ppreparati għall-Ordni Sagri.
Intant it-Tnejn, il-Knisja Kattolika tfakkar is-Solennità tal-Erwieħ kollha, b’ħafna jkunu dawk li jżuru l-oqbra ta’ qrabathom fiċ-ċimiterji, jitolbu talba għal ruħhom filwaqt li jħallu xi bukkett fjuri u xi xemgħa tnemnem.

L-Arċisqof se jkun qed iqaddes quddiesa fil-Knisja taċ-Ċimiterju ta’ Marija Addolarata f’Raħal il-Ġdid b’suffraġju għall-mejtin kollha, b’mod partikolari għall-vittmi tal-COVID-19, sabiex bit-talb, il-fidi u t-tama tal-qawmien mill-qawmien mill-imwiet, l-erwieħ jitnaddfu minn kull dnub bil-ħniena t’Alla.
