Internazzjonali

Lejn l-elezzjoni fl-Istati Uniti: Trump u Biden jikkonkludu l-aħħar impenji qabel il-vot

Il-President Repubblikan tal-Istati Uniti, Donald Trump u Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku li qed jisfidah għall-White House, komplew bl-aħħar fażi tal-kampanji rispettivi qabel il-vot importanti tat-Tlieta li jiddeċiedi min minnhom se jmexxi l-pajjiż għall-erba’ snin li ġejjin.

Donald Trump kien għaddej bil-programm elettorali tiegħu f’Pennsylvania waqt li Biden kien qed jagħmel l-istess f’Michigan. Dan meta ż-żewġ Stati, magħrufin bħala ‘swing states’, jistgħu jkunu kruċjali għar-riżultat finali tal-vot. Għalkemm Biden qed igawdi vantaġġ fuq Trump skont l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika fuq bażi nazzjonali, il-vantaġġ tiegħu fl-hekk-imsejħa ‘swing states’ huwa minimu u huma proprju dawn l-Istati li kapaċi jiddeċiedu l-elezzjoni.

Il-President Trump, fl-aħħar sigħat, wiegħed li l-Amerikani għandhom jaraw ‘mewġa kbira u ħamra’ li tissimbolizza trijonf ieħor għar-Repubblikani. Mill-banda l-oħra, Joe Biden, li f’din il-fażi tal-kampanja kien qed jingħata appoġġ mingħand  l-eks President Amerikan, Barack Obama, sostna li ‘l-Istati Uniti issa xebgħet bil-kaos kollu li hu dovut għall-Gvern ta’ Trump’.

Biden u Obama kienu l-protagonisti ta’ avveniment għad-Demokratiċi fi Flint, f’Michigan, qabel huma ivvjaġġjaw lejn Detroit fejn issieħeb magħhom il-magħruf kantant tal-mużika soul, Stevie Wonder. L-Istat ta’ Michigan kien intrebaħ minn Trump waqt l-elezzjoni tal-2016 iżda Biden hu fiduċjuż li ‘ir-rota daret favur il-partit tiegħu’ f’dan l-Istat.

Joe Biden, fl-aħħar sigħat, sostna li ‘il-poplu Amerikan iddejjaq bl-espressjonijiet rabbjużi u l-fallimenti ta’ Trump, kif ukoll bin-nuqqas tal-President li jaċċetta r-responsabbiltà għall-fallimenti tiegħu’.

Intant, Donald Trump kellu sensiela ta’ rallies f’Pennsylvania u, waqt diskors fi Newtown, qal li ‘dan għandu jkun l-Istat li se jsalva l-ħolma tal-Amerikani kollha (b’referenza għal The American Dream)’. Hu, fl-aħħar sigħat, tkellem waqt rally f’Reading u meta kien qed jippjana li jkun preżenti għal għaxar rallies oħra għar-Repubblikani waqt l-aħħar jiem tal-kampanja.

L-aħħar programm ta’ impenji għal Trump jinkludi waqfien f’Michigan, Iowa, North Carolina, Georgia u Florida – bil-fażi finali tikkonkludi f’lejliet l-elezzjoni bi żjarat tal-Presdident f’North Carolina, Pennsylvania, Wisconsin u Michigan.

‘Il fuq minn 85 miljun persuna vvutaw kmieni f’din l-elezzjoni – b’55 miljun jitfgħu l-voti tagħhom bil-posta. Dan fost sinjali li l-Istati Uniti se jkollha l-akbar konkorrenza għal elezzjoni Presidenzjali f’aktar minn 100 sena.