Lokali

Politiku tal-PL mdaħħal fl-attentat ta’ serqa fl-2010 – Il-Koħħu

Politiku prominenti fil-Partit Laburista allegatament involut f’attentat ta’ serqa kbira fuq bank lokali għaxar snin ilu.

Żvelat dan il-gazzetta the Sunday Times of Malta fejn tirrapporta li din l-informazzjoni ingħatat lill-investigaturi minn Vincent Muscat magħruf bħala il-Koħħu. Muscat qed jinżamm arrestat fuq suspett li hu wieħed mit-tliet persuni li wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Koħħu hu wkoll wieħed mis-suspettati ewlenin tal-attentat ta’ serqa fuq il-kwartieri tal-bank HSBC f’Ħal Qormi fl-2010.

F’dan it-tentattiv ta’ serqa kienu sparati diversi tiri u żewġ persuni, fosthom l-istess Vince Muscat, kienu weġġgħu.

Issa, f’tentattiv sabiex jingħata l-maħfra b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Muscat qal lill-investigaturi li jista’ jidentifika eks uffiċjal għoli fil-Partit Laburista, li għen fl-ippjanar ta’ din is-serqa.

The Sunday Times tirrapporta kif Muscat u l-kompliċi l-oħrajn ingħataw informazzjoni minn ġewwa ta’ kif jistgħu jidħlu fil-control room tal-Bank, fosthom filmati minn ġewwa li probabilment inġibdu minn telefon ċellulari.

Muscat intwera wkoll tliet cards tas-sigurta’ b’kuluri differenti li jagħtu aċċess għal partijiet differenti taċ-ċentru u semma wkoll kif kien se jitqassmu l-flus li jinsterqu.

Is-Sibt, waqt intervista fuq stazzjon tar-radju, id-Deputat Jason Azzopardi, li hu wkoll l-Avukat tal-familja Caruana Galizia, qal li hemm ministru fil-kabinett attwali ta’ Robert Abela li ssemma minn Vince Muscat li kien involut ma’ reat li twettaq snin ilu. The Sunday Times tgħid li l-informazzjoni li għandha hi, tirreferi għal politiku Laburista ieħor li m’għandux x’jaqsam mal-każ li qed isemmi Jason Azzopardi.

Intant, waqt il-programm ta’ analiżi tal-ġurnali fuq Net Television, Jason Azzopardi qal li din l-aħħar storja tkompli turi kif Malta hi maħkuma minn żwieġ bejn politiċi korrotti u kriminali.

L-informazzjoni li qed joffri il-Koħħu tirreferi għal iktar diversi reati maġġuri li seħħew fl-aħħar 10 snin, fosthom omiċidji u serqiet armati, bil-għan li jingħata tnaqqis jew maħfra fir-reati li jinsab mixli bihom. Il-Prim Ministru Robert Abela għad irid jiddeċiedi dwar jekk tingħatax il-maħfra lill-Koħħu, iżda qed jiffaċċja sejħa biex jirrekuża lilu nnifsu minn din id-deċiżjoni hekk kif sar magħruf li l-istess Robert Abela kien l-avukat ta’ persuna maħsuba li pprovdew l-isplussiv li ntuża fil-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Ikkummenta