Lokali

Robert Abela jkompli jinħela f’diskorsi politiċi tal-bitħa tal-iskola – PN

Jammetti li jista’ jkun hemm persuni oħra li jmexxu entitajiet pubbliċi li għandhom każ ta’ kunflitt ta’ interess li jista’ jimpedihom milli jwettqu l-funzjoni tar-rwol tagħhom

Illum Robert Abela stess ammetta li jista’ jkun hemm persuni oħra li jmexxu entitajiet pubbliċi li għandhom każ ta’ kunflitt ta’ interess. Robert Abela jaf li dan il-kunflitt jista’ jimpedihom milli jwettqu l-funzjoni tagħhom, u għalhekk se jkun qiegħed joħroġ linji gwida għalihom.

Robert Abela naqas milli jgħid ghalfejn fuq l-istazzjon tal-Istat iddefenda lill-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joe Cuschieri.  Dan minkejja li l-aħħar żviluppi huma attakk ieħor fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna li jitfgħu dell iswed fuq ir-regolatur finanzjarju, fi żmien fejn l-industrija tas-servizzi finanzjarji għaddejja mill-iktar perjodu diffiċli tagħha u qed tistenna l-konklużjoni tal-Moneyval. Robert Abela qed jaġixxi eżatt bħal ta’ qablu. L-istess mod kif Joseph Muscat issagrifika r-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarju biex jgħatti u jiddefendi lil Keith Schembri, Brian Tonna u Konrad Mizzi. 

Filwaqt li ftaħar li r-rata tal-qgħad f’Malta dejjem nieżla l-isfel, b’mod konvenjenti naqas milli jgħid li skont statistika maħruġa fis-26 ta’ Ottubru mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistka, dawk li f’Settembru 2020 kienu qegħdin ifittxu xogħol irdoppja meta kkumparat ma’ Settembru tas-sena ta’ qabel.

Minflok jinħela fi stil ta’ politika tal-bitħa tal-iskola Robert Abela aħjar jgħid lill-Maltin u l-Għawdxin x’viżjoni short term u long term għandu għal pajjiżna. Dan minħabba li kif ammetta hu stess f’paġna 34 tad-diskors tal-baġit dan il-pjan għad irid jitfassal. L-unika miżura li jiftaħar biha l-Labour hi dik tal-vouchers, proposta tal-Partit Nazzjonalista, li l-Partit Laburista kien ipprova jirredikola meta din ġiet proposta xhur ilu.

Robert Abela naqas ukoll milli jitkellem fuq is-sitwazzjoni vera tal-COVID-19 bin-numru tal-vittmi issa jilhaq l-64 fost il-karba ta’ dawk il-frontliners fis-settur tas-saħħa li mhux se jifilħu għall-pressjoni li ġej fuqu. 

Robert Abela ftaħar li jħobb jagħti kuraġġ lin-nies. Wieħed jittama li dan il-kuraġġ mhux ripetizzjoni tas-sigurta’ falza li ta lill-poplu Malti u Għawdxi meta kien qal li pandemija kienet għaddiet biex issa qegħdin nesperjenzaw it-tieni mewġa b’detriment kbir għas-setturi tan-negozji, tat-turiżmu, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-industrija fost ħafna oħrajn. U propju għalhekk pajjiżna għandu bżonn tmexxija serja u differenti. Il-Partit Nazzjonalista ppreżenta l-viżjoni u l-pjan tiegħu għas-snin li ġejjin sabiex jitwettaqu fi programm ta’ ħidma li jwassal sabiex verament nikbru u nissaħħu flimkien.