“Kemm nixtieq nibqa’ nirriċikla budgets bħal dan u bħal ta’ qablu għas-snin li ġejjin.”
Hekk saħaq il-Prim Ministru Robert Abela meta l-Ħadd filgħodu niżżel lill-partitarji Laburisti f’Misraħ San Ġorġ, il-Belt, għal attività tal-politika, dikjarazzjoni li tikkonferma kif il-Gvern fil-baġit mill-ġdid reġa’ niżżel pataflun proġetti li semma f’baġits preċedenti u naqas milli jwettaq.
U wara li feġġ l-iskandlu tal-Las Vegas u tal-MFSA f’karigi li kienu kkonfermat fi żmien l-amministrazzjoni tal-istess Robert Abela, il-Prim Ministru issa qal li se jagħmel riforma:
“Ma nemminx li hija prassi li nistgħu naċċettawha iżjed. (…) Jien nemmen li kull episodju għandha tiskatta riforma.”
Ir-riforma ħabbarha ftit jiem bogħod minn meta pajjiżna se jaffaċċja l-eżodu ta’ testijiet kruċjali għar-reputazzjoni ta’ pajjiżna, bħal dak tal-Moneyval, fi zmien li l-industrija tas-servizzi finanzjarji għaddejja mill-aktar perjodu diffiċli.
“Meta qed tmexxi awtorità regolatorja ewlenija u taħdem fil-privat fl-istess ħin, jien dik ma rridiex iżjed.”
Dan id-diskors qed jgħidu wara li feġġ dan il-każ, mhux qabel, u meta għandu l-maġġoranza tad-deputati parlamentari Laburisti fuq il-back bench imexxu Awtoritajiet u Aġenziji Pubbliċi, b’kunflitt t’interess mal-iskrutinju li suppost jagħmlu lill-Gvern.
Intant, b’140 każ ġdid imħabbra llum, Robert Abela semma l-pandemija darba biss:
“Budget uniku, budget li vera f’nofs pandemija iżda li ma waqafx sal-pandemija.”
Mill-bqija, ma ta l-ebda importanza għall-COVID-19, meta f’pajjiżi oħra Ewropej, iddaħħlu miżuri drastiċi ta’ prevenzjoni mit-tixrid tal-virus. Iżda bi 15-il vittma f’9 ijiem, il-Gvern iħobb lin-nies:
“Ħbieb tiegħi, dan huwa Gvern li jħobb lin-nies. L-imħabba mhix slogan għalina.”
Imma għal din l-attività politika, fi żmien li r-rata ta’ trażmissjoni hija għolja, reġgħet spikkat in-nuqqas ta’ preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne.
Abela qal ukoll li l-budget iwieżen lid-dgħajjef:
“Lill-familji tagħna fl-aħħar mill-aħħar jgħidu: ‘Dal-budget, lili, x’se jkun ifisser għalija? X’se jkun qed iħalli iżjed fuq il-mejda tal-ikel tiegħi?”
Iżda meta twieżen kollox, il-familji ħadu ż-żieda miżera ta’ €1.75 biss mingħand il-Gvern għall-għoli tal-ħajja fi żmien ta’ pandemija u kriżi ekonomika kbira.
Id-diskors tal-Prim Ministru kien ikkaratterizzat ukoll minn attakk kontinwu fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, b’riferenzi peġġorattivi fil-konfront tiegħu u qal li huwa xott mill-viżjoni.
Iżda fir-replika għall-budget, Bernard Gech ressaq viżjoni soċjo-ekonomika msawwra fuq 12-il pilastru li jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-pajjiż u tal-individwu sabiex il-persuna tkun verament fiċ-ċentru tal-politika tal-PN.
Indirizzat lill-partitarji ukoll Fleur Abela, bint l-eks Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u issa Mħallef, Toni Abela, li tat x’jifhem li l-pandemija hija warajna, kif kienu qalu Chris Fearne u Robert Abela matul il-pandemija, filwaqt li saħħqet kif fl-isptar Mater m’hemmx kriżi:
Dan kontra x’qalu l-unions tat-tobba, il-MAM, kif ukoll tal-infermieri u l-qwiebel, l-MUMN, li lkoll saħħqu kif l-isptar Mater Dei mhux qiegħed ilaħħaq mal-pazjenti tal-COVID-19, tant li hemm 2 swali tal-ITU, b’rabta mal-COVID, li huma mimlija sa ruħ ommhom u wissew li s-sistema tas-saħħa kapaċi tikkrolla jekk il-Gvern ma jieħux azzjoni.
Dan apparti li għadd kbir ta’ infermiera diġa’ intalbu jmorru f’żoni oħra tal-Isptar Mater Dei u saħansitra f’kmamar fl-Università ta’ Malta li nbidlu fi swali għall-pazjenti pożittivi għall-COVID, meta l-ħaddiema fil-kura tas-saħħa huma diġà skarsi.
//= $special ?>