Bernard Grech iċanfar l-indifferenza tal-Gvern quddiem il-kriżi tal-COVID-19

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħadha qatta bla ħabel fil-konfront tal-Gvern Laburista minħabba l-aġir indifferenti tiegħu fil-konfront tal-imwiet li pajjiżna ġarrab kawża tal-Covid-19 meta għal darba wara l-oħra jinħeba wara dak li qed jiddeskrivi bħala kundizzjonijiet ta’ saħħa ulterjuri.

B’reazzjoni għaż-żieda fil-każi ta’ COVID-19 f’pajjiżna matul dawn l-aħħar ġimgħat, Beranrd Grech qal li l-Partit Nazzjonalista ħareġ bi proposti sabiex ir-rata ta’ infezzjoni tibda titbaxxa. Bernard Grech stqarr li r-rapid testing għandu mhux biss isir fl-ajruport iżda wkoll isir wkoll post ta’ dħul f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li ż-żieda fil-każi tal-COVID-19 qed tagħmel pressjoni fuq l-awtoritajiet tas-saħħa tant li wasslet sabiex jiġu kkanċellati operazzjonijiet mhux urġenti

Bernard Grech qal li l-effetti tal-pandmija jeħtieġ li jiġu indirizzati mill-gvern, dan minħabba li qed ikollha wkoll impatt ekonomiku.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li ħafna minn negozji kellhom bżonn il-perjodu tal-Milied sabiex ikunu jistgħu jibqgħu għaddejjin fix-xhur tax-Xitwa.

Bernard Grech qatta’ parti sinifikanti mill-intervista jitkellem fuq il-pilastri ekonomiċi li tkellem fuqhom fir-reazzjoni tiegħu għall-baġit 2021 il-ġimgħa li għaddiet.

Huwa qal li l-pajjiż għandu bżonn ekonomija mibnija fuq diversi pilastri u mhux biss fuq l-iskema tal-passaporti.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar il-fatt li l-gvern qed jiddefenti il-vjaġġ tal-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri f’Las Vegas mas–suspettat tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.

Huwa stqarr li l-messaġġ li ntbgħat barra minn pajjiżna kien wieħed li l-Gvern qed jipprova jiddefendi il-ħażin.

Dwar Għawdex, Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkritika wkoll id-dewmien tal-Gvern sabiex jintroduċi is-servizz ta’ fast-ferry.

Waqt li rrifletta fuq l-ewwel xahar tiegħu fit-tmun tal-PN, Grech qal li l-esperjenza s’issa kienet waħda tajba.

Waqt l-istess intervista, Bernard Grech wiegħed li l-PN se jkompli jipproponi l-viżjoni tiegħu għall-pajjiż u jsawwar il-programm elettorali tiegħu.

Bernard Grech qal li l-partit se jkompli dan ix-xogħol irrispettivament mid-dikjarazzjonijiet ta ’Abela dwar meta se ssir l-elezzjoni ġenerali li jmiss.