Lokali Parlament Turiżmu

Appell biex jitjieb il-prodott turistiku fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar tkellem dwar il-prodott turistiku fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra u appella biex isir l-investiment meħtieġ biex dan il-prodott ikun imtejjeb.

Meta tkellem fil-parlament fid-dibattitu dwr il-Ministru tat-Turiżmu Robert Cutajar tkellem dwar l-importanza li jkun hemm diversifkazzjoni fil-prodott turistiku Malti u sostna li fil-budget kellu jkun hemm vot allokat għal-lokalitajiet identifikati bħala detinazzjonijiet ta’ eċċellanza fl-Ewropa iżda ma kienx hemm; f’Malta hawn 10 lokalitajiet f’din il-kategorija li issa ġew minsija.

Hu tkellem dwar il-parkeġġ tal-Għadira fejn se jintefqu €1 miljun iżda l-Ministru tat-Turiżmu mhux iwieġeb dwar dan minkejja din in-nefqa. Dawn il-flus ġejjin mill-budget tal-MTA u għalhekk ir-responsabbiltà għandha tintrefa’ minn dan il-ministeru.

Hu qal li kien ippropona li l-parkeġġ jikber għal 600 karozza kieku tħaffret iż-żona; iżda l-Ministru Ian Borg iddeċieda li jibqa’ għaddej. Wara sitt xhur, ix-xogħol sar b’inkonvenjent għal min kien fil-Bajja tal-Għadira iżda ħadd ma waqqaf lill-Ministru Ian Borg biex il-proġett isir b’mod iktar sostenibbli.

Il-Whip Nazzjonalista kompla li għad ma kienet ipparkjata l-ebda karozza u l-inġenji għadhom hemm. Hu sostna li l-gvern hu kapriċċjuż u nkompetenti li jonfoq €1 mijun meta jista’ jkun hemm bidliet għall-aħjar b’mod għaqli u sostenibbli biex il-progett ta’ dan il-parkeġġ ikun wieħed jagħmel sens u li l-flus jintefqu kif inhu sewwa u xieraq fl-interess tal-ġid komuni

Robert Cutajar tkellem dwar il-lukanda u l-Palazz ta’ Selmun u kompla li dan qed jiddetorja. Fl-2015 il-gvern kien qal li fil-viċin din il-lukanda terġa’ tiftaħ u tagħmel suċċess iżda minn dan kollu ma sar xejn; jeħtieġ li l-awtoritajiet tal-gvern jaħdmu u jikkoperaw flimkien. Minkejja dan, il-Palazz għandu abbandunat.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li mhux aċċettabbli u mhux sew li fiż-żona tal-Uffiċċju tat-Turiżmu f’Misraħ iż-Żjara tal-Papa fil-Mellieħa, bieb ma’ bieb mieghu, hemm l-Għassa tal-Mellieħa li tinsab magħluqa. Kien hemm ukoll atti ta’ vandaliżmu f’din iż-żona fl-aħħar jiem iżda l-għassa kienet magħluqa; għalkemm il-Pulizija tal-Komunità huma wkoll kruċjali u qed jaghmlu biċċa xogħol tajba, Robert Cutajar reġa’ appella sabiex l-għassa terġa’ tinfetaħ minnufih. Il-lokalitajiet turisti kollha, bhal kull lokalità oħra f’pajjiżna għandu jkollhom l-għases tal-pulizija miftuħin.

Hu tkellem dwar il-promanade tal-Għadira li jeħtieġ modernizzar u dwar il-lukandi f’Buġibba, San Pawl il-Baħar u l-Qawra fejn hemm lukandi li qed jagħalqu iżda jidher li m’hemmx pjan turistiku. Il-gvern għandu jeżenta lil kull entità, ħanut u stabbiliment mil-liċenzji tal-MTA u jgħin lill-istabbilimenti li għandhom il-piżijiet tas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma.

Dwar l-indafa pubblika Robert Cutajar appella lill-poplu biex iżomm il-pajjiż nadif u semma’ s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ indafa fl-Aħrax tal-Mellieħa. Hu appella biex ikun hemm skemi ta’ għajnuna għall-kunsilli lokali anki biex postijiet pubbliċi jkunu fumugati.