Lokali Parlament

Fil-budget: Il-gvern sieket dwar l-iskandlu tal-bejgħ tal-isptarijiet

Il-gvern baqa’ ma wieġeb xejn fid-dibattitu tal-budget – anki fil-voti dwar il-Ministeru tas-Saħħa – dwar l-iskandlu tal-bejgħ tal-isptarijiet lis-settur privat; bejgħ li hu wieħed mill-iktar skandli ta’ korruzzjoni u serq ta’ flus il-poplu; kif deskritt mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Iffaċċjat minn mistoqsijiet diretti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fid-diskors tiegħu ta’ kritika għal-budget, tal-ex Kap tal-PN Adrian Delia u tad-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri llum stess, kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne għażlu li ma jagħtux it-tweġibiet li l-poplu qed jistenna dwar dan l-iskandlu li qed jiswa lill-poplu Malti miljuni ta’ ewros kull sena.

Fid-dibattitu tal-lum id-deputati Nazzjonalisti Adrian Delia u Stephen Spiteri ppressaw lill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne biex jispjega x’inhuma l-aħħar żvluppi f’dan il-każ wara li -Prim Ministru, xi xhur ilu, kien ħabbar li l-gvern kien qed jiskrutinja l-kuntratti li saru ma’ Vitals u ma’ Steward fil-bejgħ tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u Ġenerali ta’ Għawdex biex jara x’passi se jieħu.

Il-gvern llum naqas ukoll li jwieġeb dwar il-kuntratt li sar mas-sidien tal-isptarijiet li permezz tiegħu l-gvern, minn flus il-poplu intrabat li jridu jitħallsu €100 miljun jekk il-kuntratt ikun terminat.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilha snin tinsisti li dan il-kuntratt għandu jkun terminat u l-ex Kap tal-PN Adrian Delia għamel anki kawża fil-qorti biex dan il-kuntratt terminat u b’hekk l-isptarijiet jirritornaw lura għand il-poplu Malti.

Fid-diskors tiegħu tal-lejla, id-deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri tkellem fid-dettal dwar din is-sitwazzjoni u spjega kif l-operaturi barranin tal-isptarijiet Maltin naqsu mill-obbligi tagħhom u ma wettqux l-investiment li suppost kellhom jagħmlu fosthom li jimmodernizzw l-isptarijiet biex dawn joffru mijiet ta’ sodod ġodda; liema modernizzar u iktar sodod huma tant meħtieġa propju f’dan il-perjodu diffiċli tal-pandemija COVID-19.

Dan il-modernizzar u dawn is-sodod kienu jkunu vitali biex inaqqsu l-pressjoni kbira li hemm fuq is-settur tas-saħħa, partikolarment fuq l-ITU li trid taqdi s-servizzi kmm tal-pazjenti bil-COVID kif ukoll tal-pazjenti l-oħra.