Għalliem ta’ 52 sena kellu s-sentenza tiegħu ta’ ħames snin ħabs imnaqqsa għallperjodu ta’ sitt xhur ħabs grazzi għal emendi fil-liġi. Kemm il-Qorti tal-Maġistrat kif ukoll il-Qorti tal-Appel ma kienux sabuh ħati li kkorrompa żewġ ġuvintur taħt l-età, b’mod partikolaru wieħed minnhom, iżda ħati li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur tal-istess żgħażagħ.
Ir-raġuni li ħarġet mill-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima għat-tnaqqis fil-piena hija li l-liġi dwar klasifikazzjoni ta’ minorenni kienet inbidlet u din m’għadhiex aktar taħt l-età ta’ 18-il sena, iżda taħt is-16-il sena.
Il-Qorti qalet li fid-dawl tal-emendi li kienu ġew introdotti waqt li kien għaddej l-appell, għandha tapplika dik il-liġi l-aktar favorevoli għall-akkużat, u dan għaliex fiż-żmien meta allegatment seħħew l-atti inkriminatorji fil-konfront tal-minuri, wieħed minnhom, li l-każ kien ibbażat fuqu, kien diġa għalaq l-eta ta’ 17-il sena.
Bl-emendi il-goddair-reat tal-korruzzjoni tal-minorenni iseħħ meta l-awtur tar-reat jikkorrompi b’egħmil zieni persuna ta’ taht is-16-il sena. Huwa nstab ħati wkoll li ġibed ritratti indiċenti u li offenda l-pudur u l-morali f’post pubbliku.
Fl-appell l-Għalliem qal li żewġ studenti li qegħdin jgħidu li ġew abbużati ftehmu bejniethom biex jagħmlulu l-hsara u dan meta huwa ma baqax jilqa’ fid-dar tiegħu lil wieħed minnhon għax skont hu kien sab xi flus neqsin.
Huwa allega wkoll li ritratti pornografiċi li nstabu fil-kompjuter tiegħu, dawn ma niżżilhomx hu, izda student Spanjol li kien għamel xi żmien jirresjedi fir-residenza tiegħu u li skont hu kien qed iniżżel il-pornografija fuq il-kompjuter tiegħu mingħajr ma kien jaf.
Qal ukoll li kellu l-programm Ares installat fuq il-kompjuter tiegħu, u li għalhekk kien hemm ir-riskju illi l-kompjuter jiġi espost għal siti pornografiċi fejn konsegwentement setgħa tniżżel ċertu materjal pornografiku.
Qal li kien jospita studenti barranin iżda ma qalx min huma dawn l-istess studenti, meta kienu jirrisjedu ghandu u kemm damu hemmhekk. Huwa ressaq xhud li kkonferma li kellu dawn il-viruses fil-kompjuter tiegħu, anke jekk dan ma jeradikax il-fatt illi l-materjal pornografiku jew il-programmi setgħu tniżżlu minnu stess.
Mill-provi irriżlta illi fis-6 ta’ Jannar 2005 wieħed miż-żgħażagħ kien ftiehem mal-għalliem, biex jiġbru mill-iskola għall-ħabta tal-11.00am. fejn minn hemm baqgħu sejrin fir-residenza tal-għalliem f’Ħal-Safi. L-istudent kien imur għall-privat għand l-Għalliem inkwistjoni.
Il-Qorti qalet li mhuwiex kontestat li waqt li kien qiegħed hemmhekk l-istudent għamel xi xogħol tal-iskola dwar l-istudji ambjentali, izda wara dan skont l-istudent, hu u l-Għalliem bdew jaraw films pornografiċi u l-għalliem beda joffrielu l-inbid.
Skond l-istudent dan beda jmisslu l-parti privata tiegħu, fejn ghalkemm ghall-ewwel dan oggezzjoni, bl-alkohol li kien ikkonsma kellu effett fuqu. L-istudent qal li hu kien accetta li jitilgħu fil-kamra tas-sodda tal-Għalliem sabiex jagħmlu s-sess.
Wara kien wasal żagħżugħ ieħor fid-dar tal-Għalliem li jidher li kien hemm avvanzi fuqu wkoll. Meta wieħed iqis dan kollu l-Qorti qalet li hija tal-fehma illi l-elementi tar-reat li kkommetta attentat vjolenti fuq il-pudur seħħ.
Dan mhux biss għaliex iż-żagħżugħ mill-ewwel indika li kien qed jiddejjaq b’dawn l-avvanzi sesswali tant illi beda joġġezzjona, iżda ukoll ghaliex l-Għalliem, meta aktar tard kien evidenti li l-vittma kien diga’ taht l-effett tax-xorb, abbuża minn din il-vulnerabbilità u stiednu jagħmel atti oħra li l-vittma tiegħu ma setax jirreżistihom.
Ħareġ ukoll li apparti din l-okkażjoni, l-Għalliem abbuża minnu f’żewġ okkazzjonijiet oħra fejn kien ħadu ċ-Chadwick Lakes fil-vettura tiegħu qabel wasslu d-dar fejn l-Għalliem kien għamel sess orali miegħu, kif kien għamel fid-dar tiegħu.
Dan ifisser li attività sesswali saret ukoll f’post pubbliku, jew post espost għall-pubbliku. Fir-rigward tal-fatt li kellu fil-pusses tiegħu ritratt, film, video recording jew xbieha elettronika indiċenti, li juru persuni taħt l-età, f’dan ir-rigward l-Għalliem ma kkontestax li nstabu fil-pussess ta’ diversi ritratti pornografiċi.
L-espert tal-Qorti Martin Bajada ikkonferma dan u li qal li dawn instabu fuq il-kompjuter li kien fir-residenza tiegħu. Dan kien ikkonfermat ukoll mis-Supretendent Paul Caruana.
Minkejja li l-akkużat allega li hu ma kienx il-persuna li niżżel dawn ir-ritratti izda student Spanjol li kien għamel xi żmien joqgħod għandu, madanakollu kif ikkonfermaw ix-xhieda li tressqu mid-difiża, jirriżulta li l-Għalliem kellu programm tal-kompjuter Ares, installat. Dan huwa programm li jista’ jiftaħ bieb għall-materjal pornografiku.
Il-Qorti qalet li apparati wkoll id-differenza fl-età bejn l-Għalliem u l-istudent, li minkejja ma kienx xi tifel żgħir, madankollu huwa tqiegħed f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà fil-mument meta seħħew l-abbużi fil-konfront tiegħu mill-Għalliem meta ingħata xorb alkoholiku.
Il-Qorti qalet li dan huwa bla dubju aġir mhux mistenni minn edukatur eżemplari li qed jagħti il-privat lil student fir-residenza tiegħu. Għal dawn il-motivi l-Qorti qalet li kienet qed tilqa’ parti mill-appell u tilliberah mill-ewwel akkuża wara li saru l-emendi fil-liġi u għalhekk varjat il-piena u kkundannatu għall-piena kumplessiva ta’ sitt xhur priġunerija.
//= $special ?>