Lokali Qorti

Ħabs għal żagħżugħ li beda bid-droga ta’ disa’ snin u li xorta hemm lok ta’ riforma

Żagħżugħ ta’ 25 sena minn Raħal Ġdid li għadda minn trobbija diffiċli u li beda jabbuża mid-droga sa minn mindu kellu disa’ snin ġie kkundannat tmien xhur ħabs fuq serq bil-Qorti ma tistax tagħmel mod ieħor.

Ħareġ fil-Qorti li ħajtu kollha spiċċa jqattagħha jisraq biex isostni lilu nniffsu mill-kilba għad-droga. Minkejja kollox għad hemm xaqq ta’ dawl għal Shaun Caruana li jista’ jirriforma ruħu minkejja li naqas li jieħu l-ħafna opportunitajiet li ngħata mill-Qorti.

Minkejja kollox il-Qorti ,preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia għadha temmen li jista’ jagħmilha u finalment jibdel ħajtu. Fattur mhux tas-soltu li għen ukoll lil Caruana huwa li vitta ta’ serqa, li kellu karozza ipparkjata l-Furjana u LI sabha sgassata, qal li jixtieq li jara lill-ħati jirriforma ruħu.

B’rabta ma’ dan ir-reat Carauna kien tressaq il-Qorti wara li l-impronti diġitali li kien hemm fuq il-karozza, qablu ma tiegħu. Mill-intervisti li saru mal-ġenituri tal-imputat, irriżulta li huma ma tantx kienu jafu informazzjoni dwar binhom. il-ġenituri qalu li huma stess, fil-passat, kellhom xi diffikultajiet.

Rigward l-aspett tad-droga, Caruana stqarr li ta’ disa’ snin huwa beda jabbuża mill-gass tal-‘lighters’, u wara huwa progressa fl-abbuż tal-kokaina, eroina, droga sintetika u kannabis.

L-imputat ġieli għamel użu minn sustanzi illeċiti ankè ġewwa l-ħabs stess. Madnakollu, l-aħħar riżultat pożittiv li kien hemm għad-droga kien fl-2018. Għalkemm matul is-snin l-imputat ġieli wera sinjali ta’ progress fit-triq it-tajba, huwa għandu bżonn jaħdem ħafna fuq l-aspett tal-personalità tiegħu, partikolarment l-emozzjonijiet u r-repsonsabilità.

Fil-Qorti ħareġ li bħala pjan ta’ kura, importanti li l-imputat jibqa’ jiġi mghejjun, sabiex eventwalment, jieħu responsabilità fuq il-problema ta’ droga u jaħdem fuq l-aspetti profondi, sabiex huwa, ma jibqax imwaħħal fuq issues tal-passat u jkun jista’ jimxi ‘l quddiem

Fil-każ ta’ Caruana xehdet l-uffiċjal tal-probation Maria Mifsud fejn qalet li li l-vittma għandu jitgħallem mill-iżbalji tiegħu, jagħmel programm sabiex jindirizza l-abbuż mid-droga u jsib impjieg ħalli ma jerġax jaqa’ fiċ-ċirku tas-serq.

Caruana kellu trobbija diffiċli, instabbli u iebsa, bi problemi soċjali, inanzjarji u personali sostanzjali, u trabba min-nanna u f’numru ta’ istituzzjonijiet. Meta kellu 16-il-sena kien tressaq il-Qorti u minn dak iż-żmien l-hawn qatt ma rriforma ruħu.

Ta’età żghira beda jabbuża mid-droga u spiċċa jfendi għal rasu u jgħix bla direzzjoni jew stabilità f’ħajtu. Minn eżami tas-sentenzi mogħtija fil-konfront tiegħu jirriżulta li ngħata diversi opportunitajiet matul il-medda tas-snin sabiex jirabilità ruħu u jintegra fis-sożjetà.

Il-Qorti qalet li hija fehemet dan kollu iżda meta tiġi biex tqis il-piena li għandha tingħata, ma tistax tinjora l-kondotta volimuniża tiegħu, iktar u iktar meta tqis li għadu ta’ età żgħira.

Caruana mhux talli huwa reċidiv, iżda sahansitra anke kiser l-ordnijiet imposit minn Qrati oħra. Donnu ma jridx jirriforma ħajtu, qalet il-Qorti għalkemm ingħata diversi opportunitajiet sabiex jagħmel dan.

Il-Qorti temmen li l-imputat għandu bżonn serjament jindirizza l-imġieba tiegħu f’dan ir-rigward sabiex jaqbad it-triq tar-riforma u eventwalment jerġa’ jintegra b’mod produttiv fis-socjeta’.

Il-Maġistrat Lia qalet li għalhekk, minħabba li huwa evidenti li l-imputat kiser il-fiducja mogħtija lilu diversi drabi, kif ukoll għaliex għandha r-responsabilità tara li s-soċjetà tiġi salvagwardjata mill-atti kriminali tiegħu, tqis li kellha tagħti piena ta’ ħabs għal tmien xhur.

Il-Qorti poġġiet lill-ħati taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin sabiex jingħata assistenza psikoloġika sabiex ikun jista jindirizza t-trawmi li għadda minnhom fil-passat u li ellhom impatt fuqu.

Il-Qorti qalet ukoll li minbarra li jindirizza l-problemi tad-droga li għandu, ordnat ukoll li Caruana jiġi sorveljat minn uffiċjal tal-Probation u Parole għal perjodu ta’ tliet snin.

Għandu wkoll jikkordina mad-Direttur tal-Ħabs sabiex waqt li jkun jiskonta din il-piena, jkompli bit-trattament meħtieġ b’mod immedjat u jassistih wara li jkun skonta l-perjodu ta’ priġunerija.

Il-Qorti rrakomandat lid-Direttur tal-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin li waqt li l-ħati jkun fil-perjodu ta’ inkarċerazzjoni, u safejn jaċċetta l-istess ħati, jiġi offrut u jingħata kull opportunità possibli sabiex itejjeb il-livell ta’ edukazzjoni tieguu jew jitgħallem sena, jew it-tnejn flimkien.

Dawn kollha għandhom eventwalment jgħinuh jintegra ruħu fil-ħajja tax-xogħol u s-soċjetà u li jibda ħajja ġdida. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Sciberras