Kultura Lokali

Il-Festival ‘Science in the City’ iniedi programm għal festival diġitali innovattiv

Għadu kemm tħabbar il-programm tal-festival Science in the City, jew kif inhu magħruf bil-Malti ‘Ix-Xjenza fil-Belt 2020’. Din id-disa’ edizzjoni se tkun totalment differenti minn dawk ta’ qabel. Din is-sena, il-festival se jinvolvi lill-udjenzi b’modi ġodda, iħeġġeġ il-ħsieb kritiku iżda b’mod kreattiv, u jippermettilhom ikunu ċittadini attivi b’mod dirett. U dan kollu mis-sigurtà ta’ darhom stess. Dan tħabbar mill-organizzaturi fit-2 ta’ Novembru waqt konferenza tal-aħbarijiet virtwali li saret b’mod dirett onlajn. Matulha, huma ħabbru l-kalendarju tal-avvenimenti li se jsiru qabel, kif ukoll il-programm uffiċjali tal-festival innifsu.

Il-festival estiż se jkun mifrux mill-Ħamis 12 sal-Ħadd 29 ta’ Novembru, b’avvenimenti interessanti ta’ qabel il-festival ippreżentati bejn it-12 u s-26 ta’ Novembru permezz tal-midja soċjali tax-Xjenza fil-Belt. Dan se jsir bi tħejjija għall-avvenimenti diġitali matul il-weekend kollu mill-Ġimgħa 27 sal-Ħadd 29 ta’ Novembru. Il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha tħabbar dan kienet ippreżentata mill-Koordinatur tal-Festival Edward Duca.

F’din l-edizzjoni se jkun hemm aktar modi kif persuna tgawdi l-festival ta’ din is-sena. Mit-12 sas-26 ta’ Novembru, se jkun hemm firxa ta’ avvenimenti interessanti ta’ qabel il-Festival li jistgħu jitgawdew mill-familja kollha. Fl-ewwel escape room onlajn li qatt saret f’Malta, maħluqa minn GreenHouse u BiOrbic, l-udjenza se tkun qed tgħin lir-riċerkaturi jsolvu indikazzjonijiet u puzzles li jistgħu jsalvaw lid-dinja mill-effetti devastanti tal-bidla fil-klima. CineXjenza se jkun qed jippreżenta sensiela ta’ films li jittrattaw suġġetti mill-anzjanità sas-saħħa mentali, bl-opportunità li l-pubbliku jidħol f’diskussjonijiet diretti ma’ esperti f’dawn l-oqsma.

L-udjenzi għandhom iċ-ċans li jesperjenzaw xi ħaġa ftit iktar ‘skura’, billi jidħlu f’dinja li hi ‘maqbuda bejn il-mirja’. The Mirror Trap tagħti l-opportunità lill-parteċipanti kuraġġużi biex jiddiskutu mar-riċerkaturi u l-ideatur ta’ din l-esperjenza tal-biża, propju l-esperjenza li jkunu għaddew minnha meta rawha. Ix-Xjenza fil-Belt assigurat li jkollha xi ħaġa għal kulħadd.

Għall-weekend tal-festival, l-organizzaturi qed iħejju live stream onlajn fuq tlett ijiem u b’għażla ta’ attivitajiet irrekordjati minn qabel. Ix-xandira diretta se jkollha wirjiet speċjali tat-teatru minn artisti bħal Angele Galea f’ “Jumping Genes”, li tindirizza kwistjonijiet li jiffaċċjaw in-nisa fil-karrieri STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) tagħhom, kif ukoll il-vjolenza domestika. Dawn huma kollha bbażati fuq stejjer veri u riċerka attwali.

Alina Ivan se tkun qed turi l-video tagħha, Feedback Loops, u tħares lejn kif it-teknoloġija li tintlibes mill-bnedmin tista’ ssegwi bidliet fil-persuna umana relatati mad-depressjoni, l-epilessija u l-isklerożi multipla.

Malcolm Galea se jkun qed jivvjaġġa lejn il-futur u jikkontempla kif il-kunċett tal-umanità seta’ jkun inbidel. Dawn l-avvenimenti joħolqu dik it-taħlita karatteristika ta’ xjenza u arti ta’ dan il-Festival, fejn se jkun hemm diversi opportunitajiet għall-udjenzi biex jitkellmu  mal-artisti, jisimgħu lir-riċerkaturi jiddiskutu aspetti tax-xjenza li jkunu qed jirriċerkaw, u jistgħu anki jistaqsu ħafna mistoqsijiet. Jekk dan mhux biżżejjed, allura minbarra l-festival interattiv onlajn fejn il-parteċipanti jistgħu jidħlu f’diskussjonijiet ma’ esperti u riċerkaturi, il-websajt ta’ Science in the City se jkollha diversi vidjows u attivitajiet divertenti oħra għall-udjenzi tagħha.

Il-verżjoni diġitali tax-Xjenza fil-Belt għandha l-għan li tressaq lill-membri tal-udjenza flimkien u eqreb lejn id-dinja xjentifika, mill-kumdità u s-sigurtà ta’ djarhom madwar Malta, kif ukoll lil hinn minnha.

Biex tibda tippjana l-esperjenza tal-festival tiegħek, tajjeb li l-persuna żżur il-websajt ta’ Science in the City għax Novembru se jkun xahar memorabbli.

Ix-Xjenza fil-Belt hi parti mil-Lejla tar-Riċerkaturi Ewropej, ċelebrazzjoni li ssir madwar l-UE kollha. Hu ffinanzjat mill-programm ta’ riċerka u innovazzjoni Horizon 2020 tal-Unjoni Ewropea (taħt il-ftehim ta’ għotja Nru 955263), u numru ta’ sponsors korporattivi. Hu rrikonoxxut ukoll bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE).