Adrian Delia, PN
Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li quddiem il-pandemija COVID-19, il-gvern qed jibbaża biss fuq il-vaċċin li qed jgħid li se jasal fil-bidu tal-2021 iżda jidher li m’hemmx pjan alternattiv.
Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru tas-Saħħa, id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia qal li fis-17 ta’ Lulju 2020 l-istatistika tad-Dipartiment tas-Saħħa qalet li kien hemm biss tliet każi attivi u ebda każ ġdid; kien it-tmiem tal-ewwel mewġa tal-COVID-19.
Il-PN kien ta l-kooperazzjoni kollha meħtieġa; kien evidenti li se jkun hemm it-tieni mewġa. Fl-10 ta’ Ottuburu 100 każ ġdid, 703 każ attivi; numri li komplew jiżdiedu sa 218-il każ ġdid; rekord fil-pajjiż ta’ każi ġodda.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern fil-bidu tratta l-pandemija b’miżuri taħt l-effett tal-awtoritajiet tas-saħħa fejn kien kien hemm kontroll l-effetti tal-pandemija. Illum il-pajjiż mhux qed jirnexxielu jikkontrolla fejn anki n-nies mhux jifhmu ċertu miżuri, sostna Adrian Delia, li kompla li l-gvern għandu jikkunsidra appoġġ u konfort mentali quddiem l-inċertezza.
Adrian Delia kompla li f’dan it-tieni stadju qed tiżdied l-inċertezza u għalhekk għandu jagħmel analiżi taċ-ċifri dwar l-investiment iżda jrid iħares ukoll ‘il quddiem. Fl-ewwel parti tal-pandemija kien hemm anki tifħir minn organizzazzjonijiet internazzjonali tas-saħħa iżda issa jidher li l-gvern qed jibbaża kollox li f’Jannar se jkun hawn il-vaċċin.
Il-gvern għandu jkollu pjan ieħor jekk dan il-vaċċin ma jasalx, sostna Adrian Delia, li kompla jitkellem dwar il-każ Vitals u sostna li dan kien serq lill-poplu. Hu staqsa jekk il-Prim Ministru għadux għaddej bid-diskussjonijiet biex il-kuntratt ikun terminat, anki għall-fatt li dan il-kuntratt qed jieħu 10% tan-nefqa tal-pajjiż fl-ammont ta’ €2,000 miljun.
Hu staqsa wkoll jekk hemmx pjan li dan l-ammont ikunx irkurpat, jekk hemmx deċiżjoni dwar dawk l-450 sodda li kellhom jingħataw lill-gvern hux se jingħataw, jekk hemmx pjani oħra dwar dan, kif Malta se ssir l-aqwa fid-dinja kif konna mwiegħda u jekk il-gvern hux se jwettaq hu dak li Vitals suppost wettqu.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar is-saħħa mentali partikolarment dwar is-saħħa mentali fit-tfal fejn hemm bżonn investiment qawwi anki fl-iskejjel.
//= $special ?>