Knisja Lokali

Imfakkra l-memorja tal-għeżież li ħallewna

“Jekk m’għalmitna xejn il-pandemija…imma għalmitna ħafna affarjiet…imma jekk m’għalmitna xejn, għalmitna kemm aħna dgħajfin… kemm ħafna drabi nintilfu wara l-fruha….. u kemm hemm affarjiet tassew għeżież.”

Dan kien kliem l-Arċisqof Charles J. Scicluna meta t-Tnejn filghodu, fiċ-Ċimiterju ta’ Marija Addolorata, ġiet iċċelebrata Quddiesa b’suffraġju għall-Mejtin kollha…. ċelebrazzjoni fid-dawl tal-pandemija preżenti li wkoll ħasdet numru ta’ ħajjiet.

It-2 ta’ Novembru huwa l-jum li l-Knisja Kattolika tfakkar lil dawk li ħallew din id-dinja qabilna – l-Għid tal-Erwieħ. Festa li matulha ħafna jżuru l-postijiet sagri madwar Malta u Għawdex biex isellmu lill-għeżież tagħhom.

“It-talba tagħna ma tħarissx lejn il-qabar imma tħares lejn il-mistrieħ”

Wara l-quddiesa, l-Arċisqof bierek l-oqbra fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata u wara, akkumpanjat mill-qraba, bierek ukoll l-oqbra fejn hemm midfuna wħud mill-vittmi tal-Covid-19.

Normalment, min ma jkunx jista’ jmur iżur lill-għeżież tiegħu f’dan il-jum, jagħmel dan matul il-kumplament tax-xahar. Għalhekk meta wieħed jgħaddi minn barra xi Ċimiterju, ikun jista’ jinnota tapit ta’ dawl inemnem mix-xemgħat u l-kuluri mill-fjuri li jitpoġġew fuq l-oqbra.

Perjodu li matulu wieħed jirrifletti qabel ma’ f’Diċembru, l-ambjent jinbidel totalment għaż-żmien ferrieħi tal-Milied u l-festi.