Lokali Qorti

Koppja mixlija li ffrodat anzjana €45,000 u li kellha armi d-dar

Koppja minn Ħaż-Żabbar baqgħet miżmuma taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija li ffrodaw anzjana ta’ 85 sena, wkoll minn Ħaż-Żabbar meta qalulha li kienu se jinvestulha flusha fis-sod.

Il-Prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li biex lil mara jikkonvinċuha li l-investiment kien wieħed li jrendi, hemm Ministru li kien lest li jagħti daqqa ta’ id biex dan l-investiment ikun wieħed ta’ suċċess. Din kienet invenzjoni mill-bidu sal-aħħar.

L-Ispettur Clayton Camilleri qal li bħala prova hemm recordings fejn jissemma isem ta’ Ministru partikolari, u li iżda ismu ma ġiex żvelat fil-Qorti.

L-akkużati huma Kurt Muscat ta’ 27 sena li qal li jaħdem bħala ‘parker’ u s-sieħba tiegħu, Marquita Farrugia ta’ 36 sena li ma taħdimx. Huma ġew mixlja wkoll li fir-residenza tagħhom kellhom erba’ armi, tnejn tan-nar u tnejn tal-arja bla liċenzja.

Dan il-każ ilu għaddej għal kważi tliet snin meta Marquita Farrugia għamlet ħbieb mal-anzjana u qaltilha li l-investiment huwa wieħed tajjeb. Is-somma tal-flus ma ttieħditx mill-ewwel iżda b’pagamenti kontinwi.

Allegatament lill-anzjana, l-akkużata Farrugia qaltilha biex ma titkellem ma’ ħadd dwar dan kollu. Kienet il-pandemija tal-COVID-19 li kixfet dan il-każ.

Dan peress li waħda minn ulied l-anzjana marret tgħix magħha. Bintha indunat bil-ħafna telefonati li kienu qegħdin isiru fuq il-flus u ddeċidiet li tibda’ tirrekordja dawn it-telefonati li b’kollox kienu 33.

L-aktar telefonata twila kienet ta’ siegħa, u li dawn il-konverżazzjonijiet ġew mgħoddija lill-Pulizija. Fit-telefonati nstema’ kliem ħażin u ta’ theddid li ħafna minnhom kienu indirizzati lil dan il-Ministru partikolari, u dan bil-għan li l-anzjana tikkonvinċi ruħha li l-investiment ma kienx qed isir tort tal-Ministru.

Meta l-Pulizija semgħet dan it-theddid, għamlet tfittxija fid-dar tal-akkużati fejn instabu l-armi. Il-koppja ġew mixlija b’14 il-akkuża u għamlu diversi ordnijniet ta’ protezzjoni, fosthom fil-konfront tal-familja tal-anzjana u tal-Ministru u l-familjari tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni għamlet talba, li ġiet milqugħa biex jiġu sekwestrati l-assi kollha tal-imputati, li ġew mixlija wkoll li wettqu reat kontinwat u li ssekwestraw lill-anzjana.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest li saret mill-Avukati Charmaine Cherrett għan-nom ta’ Muscat u ta’ Alfred Abela ma ġietx milqugħa minħabba li l-ewwel trid tinstema’ x-xhieda ta’ diversi persuni, fosthom tal-allegata vittma u l-familja tagħha u l-istess Ministru li daħal fl-istorja mingħajr ma jaf.

It-talba għall-pleġġ sabet oġġezzjoni qawwija mill-Ispettur Camilleri, li xela wkoll lill-koppja b’theddid fuq uffiċjal pubbliku, u li qal ukoll li l-imputati mhumiex persuni affidabbli.