Coronavirus Lokali Saħħa

“Marti se twelled minn ħin għall-ieħor u minħabba żball jaf ma nkunx nista’ nkun magħha”

Raġel li mistenni jsir missier minn ħin għall-ieħor jinsab inkwetat mhux ftit hekk kif jidher li minħabba żball jista’ jkun ma jitħalliex imur l-isptar ma’ martu għall-ħlas.

Ir-raġel li tkellem ma’ Net News spjegalna li hu kien qed jagħmel swab test kull jumejn biex ikun ċert li hu negattiv meta jasal iż-żmien biex martu twelled lit-tarbija tagħhom.

Iżda jidher li f’wieħed minn dawn it-testijiet possibilment sar żball biex lir-raġel ingħatalu riżultat li hu pożittiv għall-Covid, iżda milli jidher dan kien riżultat ta’ persuna oħra li hija mara.

Madankollu r-raġel qed jiġi mitlub jibqa’ d-dar fi kwarantina ma’ martu u issa qed jinkwieta li kaġun ta’ dan l-iżball se jispiċċa jitlef mhux biss it-twelid tat-tarbija tiegħu imma anke l-ewwel ħmistax-il jum ta’ ħajtu.

Ir-raġel qed jappella sabiex l-awtoritajiet jirrimedjaw dan l-iżball mill-aktar fis sabiex la hu u lanqas martu ma jbatu l-konesgwenzi ta’ dan l-iżball.