Lokali Qorti

Miċħuda talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Salvu Dalli li jinsab mixli li qatel lil ibnu

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ċaħdet talba għal libertà proviżorja li għamel Salvu Dalli minn Ħal-Għaxaq li jinsab mixli li bil-qtil ta’ ibnu f’Awwissu li għadda.

Il-Qorti fid-digriet li tat qalet li teżisti il-biza li l-provi jiġu kontaminati u għalhekk tqis li f’kull każ dejjem hemm ir-riskju li akkużat jikkommetti reat ieħor. Dwar dan qalet li m’għandhiex is-serhan tal-moħħ li jekk l-akkużat jingħata l-helsien mill-arrest, ma jikkomettiex reat ieħor.

Il-Qorti ghal dawn ir-raġunijiet qalet li f’dan l-istadju qiegħda tiċhad it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti qalet ukoll li l-Prosekuzzjoni fis-seduta li jmiss għandha ttella’ biex jixhdu kemm jista’ jkun xhieda pajżana.

Dan sabiex il-Qorti tal-Maġistrati tkun f’pożizzjoni aħjar li tqis jekk Dalli għandux jinghata l-ħelsien mill-arrest, dejjem jekk huwa jressaq talba oħra simili.

Il-Qorti ordnat ukoll li d-digriet li kienet qed tagħti jiġi notifikat lid-Direttur tal-Ħabs u tirrakomanda li Dalli jingħata kull għajnuna possibbli sabiex jigi kkurat bl-aħjar mod minhabba l-eta u l-kundizzjoni medika tieghu.    

Salvu Dalli ta’ 68 sena qed iwieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ ibnu, Antoine Dalli ta’ 37 sena fid-dar tiegħu stesss. L-anzjan, magħruf aħjar bħala d-‘danger man’, qed jiġi akkużat ukoll li żamm u uża arma tan-nar qrib post abitat.

Skont l-akkuat l-qtil seħħ wara li qam argument bejn il-missier u l-iben wara li Antoine pprova jieħu l-flus ta’ missieru sabiex jixtri d-droga. B’reazzjoni għal dan Salvu Dalli allegatament qabad l-arma u spara lil ibnu. Mill-awtopsja ħareġ li Antoine Dalli miet b’tir f’nofs żaqqu.

Kien għal ħabta tal-11.00am. meta l-Pulizija kienet irċeviet żewġ rapporti li kien hemm argument u ġie sparat tir fi Triq il-Gudja Ħal Għaxaq. Malli l-Pulizija waslu fuq il-post, kien Salvu stess li fetaħ lill-Pulizija.

It-talba tal-akkużat saret fil-kuntest li huwa għandu rabtiet sodi mal-kommunità tiegħu f’Ħal Għaxaq fejn huwa jgħix, li għandu żewġ ulied, li jbati minn diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa, u li għaldaqstant li m’għandu l-ebda raġuni valida sabiex jaħrab minn Malta, u l-fatt li għandu bżonn li jingħata l-kura.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard. L-Avukat Lennox Vella qed jidher għall-akkużat filwaqt li l-Avukati Kathleen Calleja Grima, Franco Debono u Franceca Zarb qegħdin jidhru għall-familja tal-vittma.