“Għall-PN li pajjiżna jkun imsejjes fuq il-ġustizzja huwa ta’ importanza essenzjali għax fi stat fejn ma jkunx hawn ġustizzja ma jkunx hawn kwalita’ tal-ħajja.”
Hekk qal il-Kelliem għall-Ġustizzja Jason Azzopardi waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-President tal-Forum Professjonisti PN Graham Bencini u l-President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs PN Graziella Attard Previ dwar it-12-il pilastru tal-viżjoni tal-PN.
Jason Azzopardi qal li rridu nissaħħu flimkien għax mhix ġustizzja li għad hawn dewmien esaġerat fil-Qrati; mhix ġustizzja li Robert Abela jiddefendi l-ħtif tal-istituzzjonijiet; mhix ġustizzja li Robert Abela ma jabiżx għall-impjiegi fis-servizzi finanzjarji li huma mhedda; mhix ġustizzja li Robert Abela jiddefendi Ministri u Segretarji Parlamentari li fl-2019 żammew komunikazzjoni u ħbiberija mas-sid ta’ 17 Black.
Jason Azzopardi qal li mhix ġustizzja li Robert Abela għadu s’issa ma’ ċaħadx l-allegazzjoni li eks uffiċjal għoli fil-Partit Laburista u fil-Gvern Laburista kien involut bħala l-mandant tal-hold-up tal-HSBC fl-2010. Huwa qal li mhix ġustizzja li l-Gvern jirrifjuta l-proposti tal-PN biex ikun illegali li uffiċjali pubbliċi jużaw emails privati għax-xogħol tal-Gvern, biex id-dritt tal-amministrazzjoni retta jkun miktub fil-Kostituzzjoni, biex jitwaqqaf l-Uffiċċju ta’ Kummissarju li jiġġieled il-Korruzzjoni fuq inizjattiva tiegħu, biex il-ġurnalisti jkunu protetti minn SLAPP u biex id-dmirijiet ta’ Gvern caretaker ikunu miktuba fil-Kostituzzjoni biex jiġi evitat abbuż.
Min-naħa tagħha, Graziella Attard Previ fissret kif il-PN jrid jimplimenta mudelli soċjali innovativi u b’saħħithom fejn il-politika ekonomika tikkonsidra il-kwalita’ tal-ħajja tal-bniedem, fejn din tmur oltre’ mill-ġid materjali biex tinkorpora l-benesseri tal-bniedem. Biex dan iseħħ irridu nassiguraw li l-iżvilupp ekonomiku ma jinsa lil ħadd. Minkejja l-wegħda tal-Gvern li jeradika l-faqar ċifri, Ewropej (EU-SILC) dwar il-kwalita’ tal-ħajja jindikaw li l-faqar żdied minn 15.8% fl-2013 għal 17% fl-2019. Hija semmiet il-proposta tat-twaqqif ta’ Unit tal-Poverty Watch, kif ukoll il-proposta li għandha tibda diskussjoni serja dwar l-introduzzjoni tal-living wage, u ssir reviżjoni tal-mekkaniżmu tal-COLA.
Għall-PN, il-benesseri ta’ kull wieħed u waħda minnha se tkun fiċ-ċentru tal-politika u mhux sempliċement logħob biċ-ċifri u l-istatistika li tirriduċi lin-nies f’numri bla wiċċ u bla ruħ.
Graham Bencini qal li skont stħarriġ annwali Expat Insider imwettaq minn assoċjazzjoni internazzjonali msejħa Internations, bejn l-2016 u l-2019, il-kwalità tal-ħajja f’Malta naqset b’rata allarmanti. Fil-fatt fl-2016, Malta kklassifikat fis-6 post fl-indiċi tal-kwalità tal-ħajja, fl-2017 ikklassifikat fid-19-il post, fl-2018 ikklassifikat fit-38 post u fl-2019 ikklassifikat fil-41 post. Huwa qal li huwa inkonċepibbli li pajjiżna tesperjenza tkabbir ekonomiku sena wara sena, iżda l-kwalità tal-ħajja tagħna qed tesperjenza tnaqqis allarmanti sena wara sena.
Din hija problema li mhix prijorità għall-Gvern peress li ma ġietx indirizzata u mhix qed tiġi indirizzata. Għall-PN, il-benesseri tan-nies li jgħixu f’Malta hija prijorità u fil-fatt, il-kwalità tal-ħajja u l-elementi li jiddeterminaw il-kwalità tal-ħajja huma wieħed mit-12-il pilastru tal-viżjoni tal-PN għal pajjiżna.
//= $special ?>