Internazzjonali

AĠĠORNATA: Tliet persuni u aggressur jinqatlu fi Vjenna – tfittxija għal raġel armat li ħarab

Fi Vjenna għaddejja tfittxija massiċċa għal aggressur armat li rnexxielu jaħrab wara li hu, flimkien ma’ oħrajn, wettqu sensiela ta’ attakki f’diversi postijiet fiċ-ċentru tal-Belt Kapitali Awstrijaka.

Mill-inqas tliet persuni inqatlu u 14 oħra sfaw midruba meta għall-ħabta tat-8 tal-bieraħ filgħaxija, numru ta’ rġiel armati fetħu n-nar bl-addoċċ fuq in-nies f’sitt postijiet differenti.

Il-Pulizija ta’ Vjenna arrestat wieħed mill-aggressuri u ieħor inqatel b’tiri sparati mill-pulizija. L-aggressur li nqatel kien armat b’arma awtomatika, pistola u machete. L-attakki seħħew qrib sinagoga iżda din kienet magħluqa fil-ħin tal-isparaturi u għaldaqstant għadu mhux magħruf jekk din is-sinagoga filfatt kienitx il-mira ewlenija tal-aggressuri.