Lokali

SKANDLU LAS VEGAS: Anke Edward Scicluna jfarfar mir-responsabbiltà

Fi kliem il-Kummissarju tal-Pulizija, “li ssiefer ma’ xi ħadd mhuwiex reat”. Dikjarazzjoni li hu ta lil Net News f’íntervista irrekordjata li ħadna nhar il-Ġimgħa, meta l-iskandlu Las Vegas kien għadu frisk, b’Angelo Gafa jgħidilna li l-investigaturi ghadhom qed janalizzaw diversi chats li kellu Yorgen Fenech.

Joseph Cuschieri, li jiem ilu ssospenda lilu nnifsu mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjari, kien xhud ewlieni f’kawża legali kontra Tumas Gaming, meta siefer Las Vegas fuq btala mħallsa minn ħadd ħlief Yorgen Fenech, li kien wieħed diretturi ta’ Tumas Group.

Edwina Licari u Joseph Cuschieri

Skont it-Times, Cuschieri kellu jixhed f’kawza li nfetħet minn Dragonara Gaming fl-2017 fil-konfront tal-Tumas Gaming wara li skont huma l-Gvern estenda konċessjoni lil Portomaso Casino għal 10 snin oħra mingħajr ma saret sejħa pubblika mill-Malta Gaming Authority, li kien imexxi l-istess Cuschieri.

Ftit xhur wara il-vjaġġ f’Las Vegas, Joseph Cuschieri ġie mċaqlaq mill-Gaming għall-kariga ta’ Kap Ezekuttiv  tal-MFSA – l-entità responsabbli mir-regolamentezzjoni fil-qasam tas-settur finanzjarju f’pajjiżna.

L-aħbar li ħarġet fil-media ftit tal-ġranet ilu ma ġietx miċħuda, la minn Cuschieri nnifsu, u lanqas minn Edwina Licari, li allegatament kienet akkumpanjat lil Cuschieri u lil Fenech f’din il-btala u li bħal Cuschieri mxiet mill-Gaming Authority għall-MFSA ftit jew wisq fl-istess żmien li ċċaqlaq Cuschieri. Licari kellha l-kariga ta’ konsulta legali fl-MFSA.

It-tnejn issospendew ruħhom nhar il-Ġimgħa, wara li l-Gvern baqa’ ma ħasx il-ħtieġa li jieħu azzjoni, minkejja dan il-kaz ċar ta’ kunflitt ta’ interess.

Wara li l-Prim Ministru farfarha u qal li ma ra xejn ħażin fil-fatt li Cuschieri, Licari u Fenech siefru flimkien, il-Ministru responsabbli mill-Finanzi Edward Scicluna, mistoqsi jekk kienx komdu b’dan it-tip ta’ aġir, qal li din mhux kwistjoni ta’ kumdità u malajr farfhar fuq il-Bord tal-MFSA.

F’din il-kwestjoni, jidher ukoll li l-Gvern uża kejl għal kollox differenti ma’ Edwina Licari minn dak li ntuża ma’ Joseph Cuschieri, bil-Ministru jammetti li poġġa pressjoni fuq ‘persuna li appunta hu’ biex tirreżenja. Scicluna jidher li kien qed jirreferi għall-pressjoni li poġġa fuq Licari biex spiċċat irriżenjat mill-FIAU.

Pressjoni li Robert Abela ma ħassx li kellu jpoġġi fuq Joseph Cuschieri, minkejja li dan tpoġġa fil-kariga ta’ CEO fuq rakkomanazzjoni tal-Gvern Laburista stess..