Żewġt irġiel ma nstabux ħatja li fit-12 ta’ Novembru tal-2015 wettqu serqa ta’ sigaretti, flus kontanti u ċurkett tad-deheb minn garaxx ta’ residenza fl-Iklin u li l-valur tagħhom jammonta għal €71,000.
Kevin Tabone, electrician ta’ 45 sena mill-Belt u residenti Santa Luċija u Johan Pace ta’ 44 sena wkoll mill-Belt Valletta, li meta tressaq il-Qorti kien mingħajr impjieg, ġew illiberati minn kull akkuża fuq nuqqas ta’ provi.
L-akkużi kienu jinkludu wkoll li laqgħu għandhom ħwejjeġ misruqa u fir-rigward ta’ Pace li sar reċediv. Il-Qorti qalet li ma saret l-ebda prova ċara li kienu l-irġiel li wettqu l-‘hold-up’ minħabba li min seraq kien mgħammad u ma ġiex identifikat u l-impronti diġitali ma qablux ma’ ta’ Tabone u Pace.
Fattur ieħor, qalet il-Qorti huwa li ma tistax tiddeċiedi fuq żewġ ittri anonimi li ntbagħatu lill-Pulizija dwar din is-serqa li fiha mplikat liż-żewġ akkużati.
Min wettaq is-serqa sgassa żewġ bibien, l-ewwel ġie sgassat il-bieb ta’ barra prinċipali u wara bieb ieħor fil-kuritur tad-dar li jagħti għall-garaxx. L-Ispettur Arthur Merceica mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali qal li l-Pulizija kienet irċeviet rapport minn sid id-dar li kienu daħlu fir-residenza tiegħu u serquh. Dan kien seħħ fi Triq Dun Karm, Iklin, bejn il-10.40am. u l-11:15am.
L-Ispettur Mercieca qal li fil-ġranet ta’ wara, il-Pulizija mill-Għassa ta’ Birkirkara kienu irċevew ittra anonima li fiha kien indikat li fuq il-post kien intlemah vann tal-għamla Mercedes Vito, u dan kien jgħajjat lil Kevin Tabone. Dan kien ġie arrestat in konnessjoni mas-serqa.
Tabone ġie mitkellem mill-Ispettur Sandra Zammit fl-Għassa ta’ Birkirkara fejn dan irrilaxxja stqarrija wara li għażel li jikkonsulta mal-Avukat Gianella De Marco.
L-Ispettur Merceica qal li fl-10 ta’ Mejju 2016 Tabone irrilaxxja stqarrija oħra mieghu, din id-darba mingħajr ma kkonsulta ma’ avukat fejn fiha stqarr li l-imputat l-ieħor, Johan Pace kien talbu pjaċir sabiex iġorrlu xi kaxxi u pjanċi bil-vann tieghu.
Qal li lil Pace kien jafu minħabba li t-tnejn huma mill-Belt u huma dilettanti tal-klieb. Madankollu huwa nnega li kienu ġew mgħobbija xi affarijiet fil-vann tiegħu. Il-Pulizija għamlet ukoll stħarriġ mas-‘service providers’ tal-mobiles relattivi sabiex ġew rintraċċjati telefonati li saru bejn iż-żewg imputati.
Kien irriżulta li kien hemm kommunikazzjoni bejniethom u li t-tnejn li huma kienu Birkirkara u fil-viċinanzi ta’ fejn seħħet is-serqa. Ix-xhud spjega kif il-Pulizija tkellmet ukoll ma’ xhud importanti li qal li kien ra tnejn min-nies qed jgħabbu xi kaxxi mir-residenza fejn seħħet is-serqa.
Wara kien ġie arrestat Johan Pace, li rinunzja għall-għajnuna legali u ma wieġeb għall-ebda mill-mistoqsijiet magħmula lilu. Ftit jiem wara l-Pulizija irċeviet ittra anonima oħra fejn fiha reġa’ gie emfasiżżat li fis-serqa kien intuza il-vann in kwistjoni.
Il-vittma fis-serqa qal fil-Qorti li fit-12 ta’ Novembru 2015 kien għamel rapport mal-Pulizija minħabba serqa mir-residenza tieghu li fiha jgħixu tliet persuni: hu, ibnu u bintu.
Qal li filgħodu kien ħareġ biex jagħmel xi qadi u xi ħin wara ċemplitlu t-tifla li staqsietu jekk kienx ħalla l-bieb tal-garaxx miftuħ. Wara ftit reġgħet ċemplet u qaltlu li kien hemm it-taqlib fil-kmamar tad-dar. Qal li x-xogħol tieghu huwa ta’ bejjiegħ bl-ingrossa tas-sigarretti fejn huwa jqassam għal diversi ħwienet.
Huwa ppreżenta irċevuti li jirrapprezentaw il-valur tas-sigarretti li ġew misruqa mill-garaxx fl-ammont ta’ madwar €50,000. Kienu nsterqu ukoll €20,000 flus kontanti li kienu tiegħu kif ukoll i-somma ta’ €1,000 tat-tifel tiegħu.
Qal li l-ħallelin sgassaw il-bieb tad-dar u wara sgassaw bieb li mill-kuritur jagħti ghall-garaxx. Fil-garaxx ġie sgassat armarju li kien imsakkar permezz ta’ katnazz żgħir. Minn dan l-armarju nsterqu l-flus kontanti. Spjega ukoll li l-kaxxi tas-sigarretti huma pjuttost ħfief u allura huwa faċli li jinġarru u jitgħabbew.
It-tifla tal-vittma qalet fil-Qorti li dakinhar li seħħet is-serqa kienet xogħol u meta waslet lura d-dar għall-ħabta tal-11:10am. sabet id-dar kollha żarrmata u basret li xi ħadd kien daħal.
Hija rat il-garaxx kollu mqalleb, kaxxi mal-art u xi tabakk inferrex. Sabet iż-żewġ bibien tal-garaxx miftuħin u l-ewwel ħaġa li għamlet hija li għalqet dawn il-bibien sabiex ma jmurx jidħol xi ħadd fuqha.
Wara dan, hija telgħet fuq fejn sabet il-kxaxen imqallbin u l-ħwejjeġ mal-art u nnutat li kien insterqilha ċurkett tad-deheb abjad li kienet xtratu hi stess u kien jiswa madwar €90. Wara cemplet lil missierha u qaltlu b’kollox.
Xhud importanti kien raġel li fil-ħin tas-serqa kien qed jaqsam it-triq minn faċċata tar-residenza. Qal li kien ra żewġ persuni lebsin ħwejjeġ skuri u bil-‘hood’ ġo rashom u wieħed minnhom ħareġ b’kaxxa tal-kartun f’idu u dar lejn il-vann.
Ix-xhud spjega li dak il-ħin huwa baqa’ għaddej iżda ħa nota tan-numru ta’ registrazzjoni tal-vann. Qal li kien kien jaf lit-tifel tal-vittma u xi jiem wara kien qed jitkellem miegħu u qallu x’kien ġara.
Mistoqsi jekk jagħrafx lill-imputati, ix-xhud kien stqarr li in kwantu tal-wiċċ le, iżda jiftakar l-istatura tagħhom fejn dak li kellu l-kaxxa f’idu kien kemmxejn imbaċċacċ u l-ieħor kien iktar goff minnu.
Dwar x’kienu lebsin, ix-xhud ikkonferma li l-ħallelin kienu lebsin ġkieket skuri bil-‘hood’, li kienet imtella’ fuq rashom. Dan laqat lix-xhud bħala fatt kemmxejn kurjuż minħabba li t-temp ma kienx għadu qaleb xitwi.
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li mix-xhieda ta’ l-Ispettur Arthur Mercieca irriżulta li l-Pulizija kienu irċevew “ittra anonima li kienet tindika li din il-persuna kienet rat vann fuq il-post”.
Ftit taż-żmien wara fl-istess Għassa, kienu irċevew it-tieni ittra anonima fejn indikat li f’dan il-vann “kien hemm dawn iz-zewġ persuni suspettużi li kienu għabbew kaxxi mir-residenza fejn seħħet is-serqa.”
Tul dawn il-proċeduri dawn l-ittri anonimi baqgħu ma ġewx magħrufa jew identifikati l-awturi tagħhom. Ghalhekk il-Qorti m’għandiex quddiema prova sħiħa u korretta li fuqha tista’ tistrieħ fir-rigward tal-kontenut tagħha.
Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija irriżulta li l-vann Mercedes Vito kien jgħajjat lil Kevin Tabone. Sussegwentement xhud pajżan identifika li kien ra żewġ persuni deħlin f’residenza jisirqu.
Irriżulta li l-vittma kien jaħdem bhala ‘wholesaler’ iqassam is-sigaretti u li apparti li serqulu 40 kaxxa sigaretti, serqulu wkoll flus kontanti, serqu flus ta’ ibnu u ċurkett lit-tifla
Mix-xhieda jidher li l-ħallelin kienu jafu fejn kellhom ifittxu u għaliex marru jisirqu minkejja li qallbu d-dar kollha. Dakinhar filgħodu għall-ħabta tad-9:30am, waqt li t-tifel tal-vittma kien ghadu d-dar, huwa irċieva telefonata minn numru privat fejn ġie mitlub imur jara biċċa xogħol ta’ twaħħil ta’ madum ġewwa ż-Żejtun.
It-tifel kien wieġeb li ma setax imur dak il-ħin minħabba li kellu xogħol ieħor x’jagħmel u offrielu biex jiltaqgħu darb’oħra. Din it-telefonata, qalet il-Qorti qed titqies bħala waħda susspettuża.
Mix-xhieda ta’ l-Ispettur Sandra Zammit irriżulta li t-telefonata li kienet saret lit-tifel kienet saret mill-Iklin stess u kienet seħħet dakinhar tas-serqa għall-ħabta tal-9.59am.
Fl-istess xhieda, l-Ispettur qalet li ġie ikkonfermat mal-Vodafone li din il-linja kellha kuntatt mal-imputat Johan Pace. Din il-linja in kwistjoni, kienet ċemplet kemm lit-tifel tal-vittma kif ukoll lil Johan Pace, dakinhar qabel kienet seħħet is-serqa.
Il-Qorti qieset il-fatt ukoll li r-raġel li kien qed jaqsam it-triq fil-mument li seħħet is-serqa ma kienx f’pożizzjoni li jidentifika wiċċ il-persuni anke jekk seta’ jiddeskrivi l-istatura taghhom.
L-esperti maħtura bhala ‘Scene of the Crime Officers’ elevaw lifters minn ġewwa ir-residenza fuq bieba ta’ gwardarobba mill-ewwel kamra tas-sodda u minn fuq unit mil-ewwel kamra tas-sodda kif ukoll diversi kaxxi tas-sigaretti.
Sussegwentement inħatar espert mill-Qorti sabiex jagħmel eżami komparattiv wara li ittieħdu l-marki tas-swaba ta’ l-imputati. Minn dawn l-eżamijiet ma rrizultax li l-impronti digitali kienu tal-imputati.
Il-Qorti qalet li ma nġabet l-ebda prova sal-grad rikjest mill-liġi li l-imputati kienu n-nies li daħlu u serqu mid-dar u dan peress li ma nġabu ebda provi forensiċi, jew provi diretti mix-xhieda, bħala l-persuni responsabbli minn din is-serqa.
Il-Qorti kompliet tgħid li huwa minnu li l-vann huwa registrat f’isem Kevin Tabone kien jinsab fuq il-post fil-ħin li allegament sar ir-reat. Huwa vera wkoll li mill-provi irriżulta li numru tal-mobile li ma huwa assenjat jew registrat fuq ħadd, cempel lit-tifel tal-vittma u anke lil Johan Pace, fl-istess faxxa ta’ hin.
Dawn is-suspetti, għalkemm jistgħu jibdew jippuntaw lejn x’seta’ verament ġara dakinhar, mhumiex biżżejjed skont il-liġi. Tajjeb jew ħażin, il-Qorti jidhrilha li sabiex wieħed jasal ghal konklużjoni ta’ htija fir-rigward is-serq irid ikun hemm prova ċara u li twassal għall-ħtija.
Minħabba l-fatt li ma nstabux ħatja l-Qorti qalet li ma tistax lanqas issib lil Johan Pace reċediv meta ma nstabx ħati ta’ serq. L-Avukat Ġiannella De Marco, deheret għal Kevin Tabone filwaqt li l-Avukat Joe Giglio, assista lil Johan Pace. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Arthur Mercieca u Sandra Zammit, filwaqt li l-Avukat Charlon Gouder deher bħala parte civile għall-vittma.
//= $special ?>