Il-membri tal-Kabinett Laburista jinsabu b’sarima ma’ ħalqhom wara dak żvelat minn gazzetta lokali l-Ħadd dwar il-politiku prominenti fil-Partit Laburista li allegatament kien involut fl-attentat ta’ serqa kbira fuq bank lokali 10 snin ilu.
Qabel ma bdiet laqgħa tal-Kabinett, NET News staqsa lill-Prim Ministru jekk hux komdu jaħdem ma’ membru tal-Kabinett li qed jiffaċċja allegazzjonijiet serji bħal dawn, skont l-informazzjoni li Vince Muscat ta lill-Pulizija.
Iżda f’turija ta’ kemm il-Gvern jinsab skomdu quddiem din l-informazzjoni ġdida, Robert Abela nnifsu kkonferma li għamel sarima ma’ ħalq il-membri tal-Kabinett u, fi kliemu stess, iwieġeb hu għalihom. Fil-fatt, hu qal li l-fatt li jwieġeb għall-bqija tal-Kabinett hu xi naġa “naturali”.
Madankollu, minflok ma wieġeb jekk iħossux skomdu quddiem dan l-aħħar minn sensiela ta’ skandli politiċi, Abela baqa’ jinsisti li ta tweġiba lejliet u m’għandu xejn aktar xi jżid. Dan minkejja li, fl-ewwel okkażjoni minn meta ħarġet din l-informazzjoni, Abela qal lill-ġurnalisti li hu jaġixxi biss jekk itih l-informazzjoni l-Kummissarju tal-Pulizija.
Iżda s’issa, għadu ma ta l-ebda dettalji dwar jekk il-Kummissarju għaddielux kwalunkwe informazzjoni f’dan is-sens. Lanqas ma qal jekk dan l-iskandlu politiku, li fih hu involut membru fil-Kabinett immexxi minnu, kienx se jiġi diskuss fil-laqgħa li bdiet ftit minuti wara.
Skomdi wkoll il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, li rrepetew li joqgħodu ma’ dak li qal il-Prim Ministru. Oħrajn ħarbu u baqgħu deħlin f’Kastilja mingħajr ma taw reazzjoni.
//= $special ?>