Lokali Qorti

Albaniż mixli li darab gravi raġel minn pajjiżu

Żagħżugħ ta’ 29 sena mill-Albanija nżamm taħt arrest preventiv wara li ġie akkużat fil-Qorti li darab gravi Albaniż ieħor waqt argument f’residenza f’San Ġwann.

Enedi Tafa ġie mixli mill-Ispettur Joanna Piscopoli li weġġa’ gravament lil sieħbu . Huwa ġie akkużat ukoll li hedded u insulenta lill-vittma. L-Ispettur Piscopo qalet lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li l-inċident seħħ il-Ħadd filgħaxija.

Meta l-Pulizija marru fuq il-post fejn seħħ l-argument li kien ġie irrappurtat minn terzil, huma kienu sabu lill-vittma bi ġrieħi fil-wiċċ u qatgħa fuq moħħu. Huwa ttieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.

Il-Pulizija investigat il-każ u eventwalment arrestat lill-akkużat. L-Ispettur spjegat li ż-żewġt irġiel kienu jgħixu f’akkomodazzjoni komuni, flimkien ma’ persuni oħra.

“Ma nistax nirriskja lill-allegat vittma u l-allegat aggressur li joqogħdu flimkien,” qalet l-Ispettur. Hija qalet ukoll li l-irġiel kienu qed jixorbu. L-Avukat Christopher Chircop, l-Avukat difensiv ta’ Tafa, argumenta li dan kien każ ta’ darba u li ż-żewġt irġiel kienu ħbieb qabel ma seħħ l-inċident.

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi iżda nżamm taħt arrest preventiv wara li t-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda.