Internazzjonali

Awstrija: L-awtoritajiet għadhom ifittxu għas-suspettati wara t-terrur fi Vienna

Il-pulizija fl-Awstrija ħeġġew lill-poplu biex, kemm jista’ ikun, ma joħroġx mid-dar waqt li żdiedet it-tfittxija għal suspettati b’konnessjoni mal-isparatura terroristika li seħħet fi Vienna matul il-lejl tat-Tnejn u li, s’issa, ħalliet talanqas erba’ vittmi.

Il-pulizija li wieġbu għall-attakk irnexxielhom joqtlu aggressur, li wara kien identifikat bħala ‘terrorista Iżlamiku’.  Ir-raġel ta’ 20 sena kien inħeles mill-ħabs f’Diċembru li għadda qabel laħaq skonta sentenza ta’ priġunerija sħiħa.

L-attakk tat-Tnejn bil-lejl – li mgħandux preċedent fl-istorja moderna tal-Awstrija – tmexxa minn diversi rġiel armati li fetħu n-nar fuq in-nies f’sitt lokalitajiet fiz-zona ċentrali tal-kapitali. Il-mejtin fl-attakk jinkludu żewġ irġiel u żewġ nis, b’seba fost xi 20 midruba jinsabu f’sitwazzjoni serja jew kritika.

Ix-xhieda li kienu preżenti għat-terrur irrakkuntaw li l-irġiel armati sparaw fuq in-nies li raw barra l-istabbilimenti tax-xorb u anki ġrew wara l-persuni li daħlu jiġru ‘il ġewwa għall-kenn. Il-vittmi kollha nzertaw f’zona ċentrali speċifika – viċin is-sinagoga ewlenija ta’ Vjenna — u li dak il-ħin kienet attiva ħafna, bin-nies qed jiddevertu fil-bars u r-ristoranti.

Il-pulizija li rreaġew għall-attakk għalqu numru ta’ toroq fil-kapitali waqt li l-preżenza tagħhom żdiedet aktar tard bir-reinforzi u bil-membri tal-Armata.

Il-Kanċillier Awstrijak, Sebastian Kurz, qal li l-attakk kien wieħed ‘xprunat mill-mibgħeda għall-istil tal-ħajja u d-demokrazija tal-Awstrijaċi’. Hu għamilha ċara li l-Awstrija mhix involuta f’battalja bejn il-Kristjani u l-Musulmani ‘iżda bejn iċ-ċivilizzazzjoni u l-barbariżmu’.

Il-Ministru Awstrijak għall-Intern, Karl Nehammer, ħeġġeġ biex iċ-ċittadini ‘jevitaw iz-zoni fil-qalba ta’ Vienna’ waqt li l-pulizija kienu qed jkomplu bit-tfittxija. Hu talab ukoll biex it-tfal  jibqgħu d-dar u ma jattendux l-iskola.

L-istampa tal-Awstrija, fl-aħħar sigħat, irrappurtat li ma fetħux mad-90 fil-mija tal-ħwienet fiċ-ċentru ta’ Vienna.

Il-Ministru Nehammer qal li l-pulizija fittxet fid-dar tat-terrorista maqtul minfejn ħadet xi materjal viżiv għall-investigazzjoni. L-aggressur kien ġej oriġinarjament mill-Maċedonja ta’ Fuq u kellu anki ċittadinanza Awstrijaka. Hu, fil-passat, kien weħel kundanna għal assoċjazzjoni ma’ grupp terroristiku.

Il-pulizija wettqet ukoll diversi arresti waqt tfittxija f’numru ta’ djar fiz-zona tal-attakki. Saru wkoll l-arresti fil-belt ta’ St Polten, lejn il-Punent ta’ Vjenna.

L-awtoritajiet Awstrijaċi qed jaħdmu fuq il-possibbiltà li ‘talanqas aggressur ieħor – armat sa snienu u perikoluż ħafna – għadu qed jiġri ħieles’. Huma ma eskludewx li l-attakki fi Vjenna setgħu, fil-fatt, tmexxew minn talanqas erba’ terroristi.

L-attakki seħħew sigħat qabel l-Awstrija kellha timponi r-restrizzjonijiet ġodda (fuq bażi nazzjonali) bil-għan li trażżan il-każi tal-coronavirus li qed jiżdiedu fi ħdanha. Fil-fatt, id-dmija kellha sseħħ waqt li numru kbir ta’ nies kienu qed jieklu u jixorbu fl-istabbilimenti ta’ Vienna qabel il-curfew ta’ nofs-il lejl.

Il-Gvern Awstrijak, sadanittant, iddikjara tlett ijiem ta’ luttu nazzjonali b’seħħ immedjat – bil-bnadar fil-pajjiż qed jittajjru mezz’asta. Dan meta l-iskejjel tal-Awstrija, għada, għandhom josservaw minuta ta’ silenzju għall-vittmi tat-terrur.