Sport Waterpolo

Ben Plumpton jirbaħ il-Plejer tas-Sena tal-ASA għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu

Ben Plumpton jipprova b'konklużjoni fil-lasta (Ritratt: Domenic Aquilina)

Il-plejer ta’ San Ġiljan Ben Plumpton inkuruna staġun mill-aqwa hekk kif ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena tal-ASA. Din hi l-ewwel darba fil-karriera li Plumpton rebaħ dan l-unur prestiġjuż u ngħaqad ma’ sensiela ta’ plejers lokali li matul iż-żmien naqqxu isimhom bħala rebbieħa ta’ dan l-unur. Il-plejer ta’ 22 sena kien strumentali biex għen lil San Ġiljan jirbħu l-kampjonat u n-knock-out b’wirjiet pożittivi li fihom wera t-titjib li għamel taħt it-tmexxija tal-kowċ Dorian Pisani.

Il-veteran Niki Lanzon kompla jżid mal-unuri personali mirbuħa fil-karriera mill-aqwa tiegħu hekk kif rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-Ewwel Diviżjoni. Lanzon kien prattikament irtira wara li ntemm il-Kampjonat tas-Sajf tas-sena l-oħra iżda ftit ġimgħat wara għażel li jingħaqad ma’ Valletta United bl-għan li l-Beltin jirritornaw jilagħbu fil-Kampjonat Premier. Kienet sfida differenti għal Lanzon u għalkemm Valletta kienu kostretti jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni, Lanzon xorta wera li fl-età ta’ 40 sena għadu fost l-aqwa plejers fix-xena lokali b’wirjiet li jixhdu l-kwalitajiet ta’ dan il-plejer, b’Valletta jagħmlu doppjetta fl-Ewwel Diviżjoni.

Il-gowlkiper Stephanie Tanti Desjardins ta’ San Ġiljan rebħet il-Plejer tas-Sena fil-waterpolo tan-nisa, Alec Fenech ta’ Neptunes ġie magħżul bħala l-Plejer tas-Sena ta’ taħt il-15-il sena filwaqt li Jayden Cutajar ta’ Sliema rebaħ l-unur fil-kategorija ta’ taħt it-13-il sena. Fil-kategoriji ta’ taħt is-17 u l-20 sena ma kienx hemm rebbieħa minħabba li l-kampjonat kienu kostretti jieqfu.

L-aħħar għaxar rebbieħa tal-Plejer tas-Sena tal-ASA

2020 – Ben Plumpton (San Ġiljan)

2019 – Jerome Gabarretta (Sliema)

2018 – Jordan Camilleri (Neptunes)

2017 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2016 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2015 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2014 – Matthew Zammit (San Ġiljan)

2013 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2012 – Stevie Camilleri (Neptunes)

2011 – Stevie Camilleri (Neptunes)