Lokali Parlament

Bla dubju; dan mhux l-aqwa budget għax faxex tas-soċjetà qed ibatu

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna li minkejja l-ftaħir tal-gvern li dan hu l-aqwa budget li qatt sar, fir-realtà faxex differenti tas-soċjetà u tal-ekonomija Maltija qed ikollhom esperjenzi differenti u diffiċli.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar il-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar, Adrian Delia qal li dan hu żmien diffiċli li fihom il-pandemija bidliet ir-realtajiet tas-soċjetà Maltija inkluż tan-negozji.

L-inċertezza hi l-ikbar għadu tal-ekonomija u tal-investiment, sostna Adrian Delia, li kompla li l-gvern għandu jgħin lill-faxex kollha tal-ekonomija billi jifhem din ir-realtà ekonomika ġdida; kemm waqt kif ukoll wara l-pandemija. Il-kritika tal-PN kienet li dan hu gvern reattiv u selettiv għax qed jieħu deċiżjonijiet wara u għax qed jagħżel partijiet mis-soċjetà biex jgħin lilhom biss.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern għandu jkollu l-boxxla soċjali u moralità f’dan il-mument diffiċli li qatt ma kien hawn bħalu qabel.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qed jgħid li dan hu l-aqwa budget u għalhekk suppost li kulħadd ikun fl-aqwa stat li qatt kien fih. Kull Malti qed iħossu dan?, staqsa Adrian Delia, li qal li hawn min qed igawdi ħafna jew ftit u hawn min qed isfori u lanqas iwassal sal-aħħar tax-xahar.

Dan hu gvern li suppost hu Soċjalist iżda dan il-budget mhux l-aqwa għas-single parents, għall-anzjani, għal dawk li għandhom tfal b’diżabbiltà u problemi ta’ tagħlim, għal dawk li bdew in-negozji jew għalll-ħaddiema normali. Dan il-gvern falla fil-mudell ekonomiku tiegħu għax fil-budget ma bidilx id-destin ta’ dawk li għandhom bżonn l-għajnuna biex ibiddlu d-destin tagħhom.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-PN irid jagħti tama u jagħti direzzjoni biex ikun hemm bidliet; il-PN jew il-gvern waħdu mhux kapaċi jbiddlu l-ekonomija iżda dan jista’ jsir bi gvern b’saħħtu u b’Opożizzjoni li jaħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili u l-operaturi kollha.