Lokali

Ġurnalist jallega li Avukat ta’ Yorgen Fenech ipprova jagħtih il-flus

Ġie żvelat li l-Avukati ta’ Yorgen Fenech ippruvaw jagħtu l-flus lill-Ġurnalist tat-Times of Malta Ivan Martin. Dan ġie rrappurtat mill-ġurnal stess, li ppubblika wkoll l-istqarrija tal-Avukat Gianluca Caruana Curran, li fiha ammetta li offra flus lil Ivan Martin fi tmiem laqgħa li kellhom.

Ir-rapport jispjega kif il-Ġurnalist iltaqa’ mal-Avukati ta’ Fenech fil-Belt it-Tnejn li għadda għal madwar 20 minuta. Fi tmiem il-laqgħa, Caruana Curran offra lil Martin karti tal-€500, iżda l-Ġurnalist irrifjutahom. Qal li lanqas jaf kemm kien hemm flus eżatt għax ma ċċekkjax.

Fl-istqarrija, l-Avukat Caruana Curran qal li l-Ġurnalist ġegħilhom jaħsbu li kien qed joffri s-servizzi tiegħu biex jinnewtralizza r-rappurtaġġ fuq il-każ.

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Avukati qalet li tqis dawn l-akkużi bħala serji ħafna u għalhekk, talbet lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tinvestiga l-każ.