Wara li l-istaġun 2019-2020 kellu jieqaf ħesrem minħabba l-COVID, il-logħob tal-hockey reġa beda ġewwa l-Kumpless tal-Hockey ġewwa Kordin. It-timijiet qiegħdin isegwu protokoll ippreparat mill-Assoċjazzjoni u sfortunatament, il-logħob kollu qed isir mingħajr spettaturi.
Peress li fl-aħħar staġun ma ntlgħabietx il-kompetizzjoni tan-Knock-Out din is-sena mhux se tintlgħab is-Super Cup. L-istaġun fetaħ nhar il-Ħadd 27 ta’ Ottubru biċ-Challenge Cup bl-ewwel żewġ timijiet fl-azzjoni jkun l-Qormi Daikin u l-White Hart. Iċ-Champions Qormi Daikin ħadu l-ħin tagħhom biex sabu r-ritmu tal-logħba, imma hekk kif Steve Portelli fetaħ l-iskor minn azzjoni ta’ penalty korner, ma kienx hemm dubju fuq l-andament tal-logħba. Il-captain tal-Qriema Steve Tanti għaqqad tripletta waqt li Juan Sarcia, Aryton Falzon, Shawn Dimech u Daniel Ellul skorjaw ukoll għal skor finali ta’ 8-1. Il-gowl tal-konsolazzjoni tal-White Hart ġie mingħand Simon Baldacchino. L-Umpires tal-logħba kienu Edward Hughes u Nathan Galea.
Baldacchino reġa kien protagonist il-Ħadd li għadda b’żewġ gowls fid-draw ta’ 3-3 bejn il-White Hart u r-Rabat. Baldacchino poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ imma sal-bidu tal-aħħar kwarta ir-Rabtin kienu dawru l-iskor b’doppjetta ta’ Shawn Falzon u gowl ieħor ta’ Jonathan Seychell. White Hart ma qatawx qalbhom u fl-aħħar kwarta tal-logħba għafsu l-avversarji tagħhom sakemm David Agius naqqas id-distakk minn penalty korner. Fl-aħħar azzjoni tal-logħba, Simon Baldacchino reġa sab ix-xibka għal White Hart. Il-logħba kienet ikkontrollata minn Edward Hughes u Nathan Galea.
Fit-tieni logħba tal-Ħadd Gree Sliema Hs għelbu l-Floriana Young Stars bl-iskor ta’ 3-1. Il-logħba li kienet ikkontrollata minn Keith Calleja u John Williams, bdiet bilmod biż-żewġ timijiet dehru li jħossu l-assenza bil-logħob kompetittiv ta’ dawn l-aħħar sitt xhur. Gowl ta’ Christ Agius ta vantaġġ ta’ 1-0 lill-Islimiżi sal-mistrieħ. Il-logħba tjiebet fit-tieni taqsima b’Christian Sammut u Shaun Grima minn penalty jaċċertaw ir-rebħa għal Gree Sliema. Justin Farrugia skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Young Stars.
//= $special ?>