Illum l-Amerikani jiddeċiedu jekk jikkonfermawx il-Presidenza ta’ Donald Trump għal erba’ snin oħra jew ibiddlu r-rotta u jagħtu ċ-ċwievet tal-White House lil Joe Biden.
Il-poplu Amerikan qed jissejjaħ jivvota f’waħda mill-iktar elezzjonijiet imqanqlin fl-istorja riċenti tal-Istati Uniti. Xhieda ta’ dan huwa t-tbassir li din l-elezzjoni se jkollha l-ikbar turnout ta’ votanti għal iktar minn 100 sena.
Fil-fatt, kważi 100 miljun Amerikan diġa’ xeħtu l-vot tagħhom bil-posta, hekk kif din l-elezzjoni qed issir ukoll taħt id-dell ta’ pandemija li ħalliet mal-kwart ta’ miljun vittma fl-Istati Uniti.
Bosta stħarriġ qed juru vantaġġ komdu ta’ appoġġ għall-isfidant tal-Partit Demokratiku Joe Biden fuq livell nazzjonali iżda s-sistema elettorali Amerikana mhux waħda ta’ elezzjoni diretta iżda votazzjoni min-numru ta’ persuni minn kull stat tal-Istati Uniti – magħruf bħala l-Electoral College – li jirriflettu min ikun rebaħ l-appoġġ popolari f’dak l-Istat. Kull stat għandu numru ta’ eletturi li jirriflettu l-popolazzjoni li tgħix fih.
Hemm numru ta’ stati li huma deċisivi għall-għażla tal-President li jmiss u hawnhekk, l-istħarriġ juru l-kandidati ferm eqreb ta’ xulxin f’termini ta’ appoġġ.
Fil-fatt, kemm Donald Trump kif ukoll Joe Biden għalqu l-kampanji rispettivi bi sforz tal-aħħar fi stati kruċjali Ohio, Pennsylvania, Wisconsin, Michigan u North Carolina.
//= $special ?>