Knisja Lokali

Imut it-teologu Padre Bartolomeo Sorge

Tard ilbieraħ it-Tnejn tħabbret il-mewt tal-patri Ġiżwita Bartolomeo Sorge, teologu ewlieni u espert dwar il-politika u dwar it-tagħlim soċjali tal-Knisja Kattolika. Hu miet f’Milan fl-età ta’ 91 sena.

Imwieled f’Ottubru tal-1929 fil-gżira ta’ Elba, minn ġenituri Sqallin minn Katanja, Bartolomeo Sorge daħal mal-Ġiżwiti fl-1946 u kien ordnat saċerdot fl-1958.

Padre Sorge kien magħruf għall-kuraġġ li kellu u baqa’ sal-aħħar assidwu fil-ġlieda tiegħu kontra l-Mafja. Fost l-attivitajiet kuraġġużi tiegħu baqgħet tissemma l-protesta umana li kien organizza kontra l-Mafja wara l-istraġi tal-1992 li fiha kien inqatel il-Maġistrat Giovanni Falcone flimkien ma’ 23 persuna oħra. Fil-protesta, fil-qalba ta’ Palermo, numru kbir ta’ nies ta’ kull età kienu ffurmaw katina umana ta’ tliet kilometri filwaqt li għajtu kontinwament: ‘Daqshekk Mafja’.

Il-Ġiżwita Bartolomeo Sorge ġie Malta kemm-il darba, bosta drabi fuq stedina biex jagħti xi taħdita pubblika. F’Diċembru tal-1990 kien fost il-kelliema ewlenin f’forum organizzat mill-AŻAD bit-titlu ‘Politics for the Citizens?’. L-aħħar li ġie Malta kien fl-2004 meta kien iltaqa’ wkoll mal-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami.