Lokali Parlament

Jeħtieġ injezzjoni ikbar ta’ appoġġ għan-negozji żgħar

Kristy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li f’dan il-mument in-negozji ż-żgħar għandhom jingħataw injezzjoni iktar ta’ appoġġ.

Fil-parlament Kristy Debono qalet li qatt daqs illum m’hawn bżonn direzzjoni ekonomika fil-futur u sostniet li fattur ewlieni li jxekkel pjan fit-tul ta’ negozjant hi l-inċertezza.

Din hi wieħed mill-ikbar għadu tal-ekonomija tal-pajjiż. Malta hi mifnija b’din l-inċertezza; bħad-dinja kollha minħabba l-pandemija. Ma dawn hemm iktar inċertezza minħabba numru ogħli ta’ każi ta’ persuni pożittivi bil-COVID.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet l-inċertezza fin-negozju u qalet li aktar minn qatt qabel in-negozji jridu konsultati u jingħataw konfort dwar il-miżuri li jkunu se jittieħdu. In-negozjanti jkunu għamlu investiment kbir biex jgħelbu l-isfidi kollha biex jibqgħu rilevanti.

In-negozji jistħoqqilhom ferm iktar konsultazzjoni u għajnuna għaliex xejn m’hu normali. Il-miżuri tal-budget huma garantiti biss sa Marzu 2021; ippjanar fit-tul żghur ma jsirx għal ħames xhur. Ħafna negozju qed jiffaċċjaw diffikultajiet kbar u hemm negozji li mietu waqt li oħrajn jinsab f’xifer il-mewt. Dawn jeħtieġu għajnuna immedjata biex isalvaw.

Kristy Debono kompliet li l-wage suppliment mhux biżżejjed u jeħtieġ injezzjoni ikbar biex jintlaħqu iktar negozji għaliex hemm setturi li jinsabu injorati. Dan hu ż-żmien fejn in-negozji jkunu mgħejjuna u jeħtieġ jiddvesifikaw.

L-isfida għandha tinbidel f’opportunità, sostniet Kristy Debono, li kompliet li l-fondi tal-UE huma opportunità u parti mis-soluzzjoni iżda hemm burokrazija li taqta’ qalb in-negozji ż-żgħar li jisbuha diffiċli biex japplikaw.