Lokali

“Jekk hemm xi ħadd li qed jirreferi għalija, nitlob li jkun dirett” – Carmelo Abela

“Jekk hemm xi ħadd li b’xi mod jew ieħor qed jirreferi għalija, nitlob li jkun dirett” – Kienu dawn il-kummenti tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela meta għat-tieni jum konsekuttiv kien affaċjat bil-mistoqsijiet ta’ Net News fid-dawl tal-istorja b’allegazzjonijiet serji fuq politku fil-Partit Laburista. Hu saħaq li mhu ser iħalli lil ħadd iħammeġ l-integrità tiegħu.

Ilbieraħ Net News staqsa lil Carmelo Abela dwar il-politiku prominenti fil-Partit Laburista li allegatament kien involut f’attentat ta’ serqa kbira fuq bank lokali għaxar snin ilu. Abela kien mistoqsi jekk jikkundannax lil dan il-politku iżda minflok ikkundanna, qalilna naraw x’qal il-Prim Ministru aktar kmieni tul il-jum tat-Tnejn.

Din l-aħbar kienet żvelata mill-gazzetta The Sunday Times of Malta illi irrappurtat li din l-informazzjoni ingħatat lill-Pulizija minn Vince Muscat magħruf bħala il-Koħħu. Muscat qed jinżamm arrestat fuq suspett li hu wieħed mit-tliet persuni involuti fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-istorja tat-Times ma semmiet lill-ebda politku b’ismu. Madanakollu, Carmelo Abela minkejja li baqa’ ma kkundannax, meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ Net News saħaq li qed jiċħad b’mod kategoriku li hu kien involut f’dan l-iskandlu. Dan minkejja li din ma kienetx il-mistoqsija tagħna.

The Sunday Times rrapportat kif Vince Muscat u l-kompliċi l-oħrajn ingħataw informazzjoni minn ġewwa ta’ kif jistgħu jidħlu fil-control room tal-Bank. Hu semma’ wkoll kif kienu se jitqassmu l-flus li jinsterqu.

Sorsi minn Kastilja qalulna li wara l-intervista li ta lbieraħ lil Net News, fejn baqa’ ma kkundannax lil min allegatament għamel għatt kriminali, Carmelo Abela intalab jirriżenja. Il-Ministru caħad dan u saħaq li m’hemm l-ebda raġuni għalfejn għandu jirriżenja.