Internazzjonali

L-attakki fl-Awstrija: Id-dinja tirreaġġixxi b’xokk u kundanna

Il-mexxejja tal-Ewropa kkundannaw bla riservi l-azzjonijiet terroristiċi li ħallew lill-Awstrija mbikkma u fuq stat ta’ allert rari.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, qal li ‘ħass sens kbir ta’ dieqa mal-aħbar tal-attakki terribbli’ waqt li s-Segretarju għall-Intern tiegħu, Priti Patel, sostniet li ‘ir-Renju Unit hu lest biex, b’kull mod li jista’, jipprovdi l-għajnuna u s-sostenn lill-Awstrijaċi’.

Il-Kanċiller tal-Ġermanja, Angela Merkel, sostniet li ‘il-ġlieda kontra t-terroriżmu Iżlamiku tinvolvi taqbida li tinkludi lill-pajjiżi demokratiċi kollha’.

Dan waqt li l-President ta’ Franza, Emmanuel Macron, qal li l-Ewropa ‘ma tridx taqta’ qalbha’ quddiem dawn l-attakki. L-istess Macron, jiem ilu, enfasizza d-determinazzjoni ta’ pajjiżu biex jikkonfronta l-aġir qattiel tal-militanti Iżlamiċi, wara li Franza ġarrbet mill-ġdid l-azzjonijiet terroristiċi f’artha.

Tkellem ukoll il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, li fisser il-qtil tal-innoċenti fi Vjenna bħala ‘att ieħor viljakk ta’ terroriżmu fl-Ewropa’.

Fl-istess ħin, Joe Biden, il-kandidat tal-Partit Demokratiku Amerikan – u r-rivali kbir ta’ Trump – ikkundanna ‘l-attakk faħxi fl-Awstrija’ u qal li ‘kulħadd jeħtieġ li jingħaqad kontra l-entitajiet li jippromwovu l-mibgħeda u vjolenza’.