Fil-jiem wara li kien żvelat li l-Kap Eżekuttiv Joseph Cuschieri u l-Avukat Edwina Licari kienu siefru Las Vegas fi vjaġġ imħallas minn Yorgen Fenech, il-Bord tal-MFSA ħatar panel sabiex jinvestiga u jagħti rakkomandazzjonijiet lill-Bord dwar it-triq ‘il quddiem.
Stqarrija tal-MFSA tgħid li l-panel hu magħmul mill-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi u l-Avukat Mark Simiana biex jivverifikaw dawk li l-istqarrija tiddeskrivi bħala ksur tal-etika.
Il-Bord ta struzzjonijiet sabiex dan il-panel iwettaq l-istħarriġ tiegħu mill-iktar fis u jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, bil-Bord jieħu l-passi fil-konfront kemm ta’ Cuschieri kif ukoll ta’ Licari skont l-istess rakkomandazzjonijiet fiż-żewġ każi.
Kemm Joseph Cuschieri kif ukoll Edwina Licari issospendew lilhom infushom mill-karigi rispettivi fl-MFSA, bl-Avukat Licari tirriżenja wkoll mill-Bord tal-FIAU.
L-istqarrija tal-MFSA ittemm li ħadd mill-Membri tal-Bord ma ta xi kummenti lill-media. Il-membri tal-Bord tal-MFSA huma marbuta bil-kunfidenzjalita’ u kwalunkwe informazzjoni li toħroġ, issir b’mod kollettiv bħala bord.
//= $special ?>