Lokali

Nissaħħu Flimkien: Viżjoni ekonomika f’pajjiż sigur b’setturi ekonomiċi b’pagi li jrendu

“Sabiex nissaħħu flimkien irridu naċċertaw li jkollna pajjiż sigur fejn kulħadd jgħix mingħajr biża’, fejn ikollna ekonomija mibnija fuq setturi ekonomiċi sodi b’pagi li jrendu.”, hekk qal il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern Beppe Fenech Adami waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mas-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat, il-Kunsillier tal-PN fil-Gudja Mark Anthony Sammut u l-President tas-Solidarjeta’ Ħaddiema PN Ivan Castillo.

Beppe Fenech Adami qal li l-PN jifhem lill-poplu jinsab inkwetat bil-kriminalita’ f’pajjiżna, li hija realta’ u mhux perċezzjoni. Huwa qal kif f’din s-sena s’issa kien hemm aktar minn 3,526 serqa rrappurtata, 32 hold up, 6 omiċidji u 60 vettura li nħarqet. Għall-PN mhux aċċettabbli li jkollok żoni u lokalitajiet fejn il-Gvern qata’ qalbu fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ għax għall-PN kull lokalita’ jistħoqqilha tkun sigura u ċ-ċittadini jkollhom rashom mistrieħa li l-kriminali ma jitħallewx jiksru l-liġi b’impunita’.

Beppe Fenech Adami qal li fil-baġit, il-Gvern naqas li jindirizza din ir-realta’, li jinċentiva l-Pulizija, li jindirizza n-nuqqas ta’ fiduċja li kibret fil-Korp fl-aħħar snin u li jħabbar pjan dettaljat kif se tirrenja s-saltna tad-dritt f’kull lokalita’ biex kull ċittadin jħossu protett mill kriminali. Huwa qal li Gvern Nazzjonalista ġdida jinvesti f’Korp dixxiplinat, organizzat u mgħammar bl-aqwa mezzi biex jiġġieled il-kriminalita’, b’pulizija b’kundizzjonijiet aħjar u mnaddfa minn elementi korrotti.

Noel Muscat enfasizza li ma jistax ikollok viżjoni ekonomika b’saħħita mingħar sigurta’ fil-pajjiż, għax l-ebda investitur serju mhu se jinvesti jekk ma jkunx hawn is-sigurta’.

Huwa tkellem fuq il-proposta tal-PN tal-Community Policing, li l-Gvern l-ewwel injora u imbagħad introduċa, proposta li qed tħalli l-frott u li għandha tiġi ntrodotta kullimkien mill-aktar fis. Dwar il-ħolqien ta’ setturi ekonomiċi, Noel Muscat qal li huwa maghruf li sas-sena 2030, 80% tax-xogħol li se jinħoloq ma jeżistix illum u għalhekk għandna ninvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ u tal-ħaddiema tagħna għall-ħiliet meħtieġa fil-futur. Innota li t-taħriġ u l-edukazzjoni mhux jingħataw il-prijorita’ meħtieġa mill-Gvern Laburista.

Mark Anthony Sammut qal li l-Gvern falla milli joħloq setturi ġodda li jagħmlu l-ekonomija aktar reżiljenti u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi ta’ kwalita’. Il-Gvern ħoloq biss industrija waħda: l-bejgħ tal-passaporti, li għamlet ħsara kbira lir-reputazzjoni u naffret investiment ta’ kwalita’. Huwa qal li bl-aġir tiegħu, l-Gvern qed jipperikola industriji ta’ suċċess li kien ħoloq il-PN. L-aġir ta’ Robert Abela li ddefenda lis-CEO tal-MFSA Joe Cuschieri turi li l-Labour ma tgħallem xejn minn dak li għaddiena minnu fl-aħħar snin.

Robert Abela qed juri li pajjiżna għadu maħtuf mill-istess klikka li għamlet għajb lil pajjiżna, u li biex tiddefendi u tgħatti l-ħażin ta’ ftit individwi qed tkompli tipperikola l-futur tagħna u ta’ uliedna. Mark Anthony Sammut qal li qed jinħass il-bżonn ta’ Gvern ġdid, li jagħti tama ġdida lil pajjiżna, b’politika serja li tħares l-interess nazzjonali u l-ġid komuni.

Ivan Castillo qal li dan huwa żmien iebes għall-ħaddiema u rridu noħolqu soluzzjonijiet għad-diffikultajiet minflok nagħtu tama falza. Nippjanaw setturi ġodda ta’ impjieg b’valur miżjud, iżjed pagi tajbin, setturi ġodda innovattivi, ninvestu fil-kapaċitajiet kif wkoll nibnu ekonomija li tkun COVID-resilient sabiex ma jitkissirx kollox mal-ewwel mewġa. Hekk ġara bil-mudell ekonomiku tal-Gvern li għażel ic-cheap labour u fejn l-immigrazzjoni intużat biex tbaxxi l-pagi tal-ħaddiema Maltin, minflok immigrazzjoni li żżid il-valur tal-pagi u li ssaħħaħ il-ħiliet fl-ekonomija.

Ivan Castillo spjega il-proposta ta’ Patt Soċjali Ġdid, fejn il-PN se jagħti priorita’ għall-introduzzjoni tal-living income. Nirrevedu l-mekkaniżmu tal-COLA, noħolqu ġid nadif u nerġgħu naraw l-attractiveness index jerġa’ jogħla.