Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal Nutar li qarraq bil-klijenti tiegħu

Nutar ta’ 67 sena ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li wettaq miżappropjazzjoni meta kien jonqos milli jirreġistra l-atti ta’ xi klijenti tiegħu. Dawn kien jlaħħqu eluf ta’ ewro li spiċċaw ma tħallsux minn Nutar Philip Said, li huwa mis-Siġġiewi.

Huwa nstab ħati mill-Maġistrat Monica Vella li qarraq bil-klijenti tiegħu billi għamel użu minn dawn il-flus biex ikopri spejjeż oħrajn. Said instab ħati wkoll, li naqas milli jaqdi dmiru skont il-professjoni tiegħu u li wettaq reat li kellu d-dmir li jwaqqaf.

Instab ħati wkoll li naqas li jħallas taxxa u bolol fuq kuntratti ta’ trasferiment ta’ propjetà jew kuntratti pubblici ohra, ghad-dannu tal-Gvern ta’ Malta u ta’ Marianna Camilleri, Godwin Camilleri, Carmen Baldacchino, Marianna Farrugia u Philip Ciantar b’valur li jeċċedi l-€5,000.

Fil-Qorti ħareġ kif Maryanne Camilleri b’referenza għall-pubblikazzjoni ta’ kawza mortis wara l-mewt ta’ żewġha u li għaliha ħallset €8,860. Ilmentat li minkejja li kien sar il-pagament, il-kawża mortis ma kienetx giet registrata.

Hija lmentat ukoll li hi ħallset id-denunzja tal-kawża mortis wara l-mewt ta’ missierha permezz ta’ tliet pagamenti, liema pagamenti intużaw għal reġistrazzjoni ta’ kuntratti oħra u tagħha qatt ma ġiet reġistrata.

Qalet li kienet taqsam il-pagament fi tlieta. Kien għalhekk li marret il-bank biex tħassar il-bank draft u qassmet il-pagament fi tlieta. Minkejja dan, hija baqgħet ma rċevietx l-irċevuta li kienet ħallset u meta marret għand in-Nutar biex tistaqsi għalfejn ma kienetx irċiviet irċevuta, in-Nutar kien qallha li tad-dipartiment tat-taxxa kienu jdumu biex jibaghtu l-ircevuta.

Ix-xhud kompliet li meta kien għaddha xi żmien, hi ċemplet id-dipartiment biex tiċċekkja jekk it-taxxa kienetx tħallset u kienu nfurmawha li ma kienx sar ħlas tal-kawża mortis. .

Marianna Farrugia spjegat li wara l-mewt ta’ missierha hija kienet marret għand in-Nutar Philip Said f’Settembru 2012 biex tippubblika u thallas il-kawza mortis. Spjegat li hallset permezz ta’ cekk lin-Nutar Said u wara xi jiem in-Nutar kien mar ghandha u qallha biex

Carmen Baldacchino qalet fil-Qorti b’referenza wkoll għall-kawża mortis ta’ missierha fejn irrapportat li kienet ħallset €990.39c permezz ta’ ċekk tal-HSBC kif ukoll pagament ieħor fl-ammont ta’ €5,600.92c iżda b’dan l-ammont tħallsu kuntratti ta’ terzi persuni. Baldacchino wkoll ma rċievet l-ebda irċevuta.

Philip Ciantar qal minn naħa tiegħu li flimkien ma’ zitu Maria Lourdes Agius kienu għamlu kuntratt ta’ donazzjoni ta’ proprjetà izda din qatt ma kienet ġiet rreġistrata. Kien tħallas l-ammont ta’ 5,960.41c.

Xehdet ukoll Liza Schembri, Nutar Pubbliku ghal Kunsill Notarili fejn spjegat li n-Nutar Said kien ingħata lura il-warrant fis-sena 2013 iżda kien sospiż mis-7 sat-13 ta’ Awissu tas-sena 2014. Qalet li l-imputat irrinunzja għall-warrant hu stess b’effett mill-5 ta’ Mejju, 2015.

Il-Qorti qalet li ma għandix dubju li l-aġir ta’ l-imputat kien wieħed intenzjonali u dan speċjalment meta wieħed jikkunsidra li huwa mar għand Maryanne Farrugia u talabha sabiex tikkanċella ċ-ċekk u toħroġ tliet pagamenti separati bl-intenzjoni li jħallas oġġetti ta’ terzi filwaqt li eskluda l-ħlas tal-kuntratt tagħha.

Barra minn hekk irriżulta mill-provi li huwa qatt ma ammetta ma’ ebda vittma, tant li waħħal fid-dewmien tad-dipartiment meta kien jaf li huwa naqas milli jirreġistra latti!

Il-Qorti qalet li l-akkużi fil-konfront tan-Nutar Said huma b’mod ċar ippruvati, u jikkonkorru wkoll l-elementi kollha rikjesti mil-liġi ta’ miżappropjazzjoni, iżda dan bl-aggravanti, peress li l-flus li għaddew lill-imputat, ingħataw minħabba l-professjoni tiegħu.

Mill-provi mressqa mill-Prosekuzzjoni, rrizulta ċar li l-imputat fil-professjoni tiegħu, kien gabar taxxa fuq l-atti ppublikati minnu sabiex jitħallas id-Dipartiment tal-Gvern.

Minnflok huwa uża l-flus sabiex jtħallsu taxxi, boll jew Capital Gains Tax ta’ terzi. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri. L-Avukat Malcolm Mifsud deher għan-Nutar Philip Said.