Internazzjonali

Stati Uniti: L-Amerikani jagħżlu bejn Trump u Biden fl-aktar vot diviżiv għal għexieren ta’ snin

Il-poplu tal-Istati Uniti qed ikompli jivvota f’waħda mill-aktar elezzjonijiet presidenzjali diviżivi għal għexieren ta’ snin.

L-elezzjoni għall-Presidenza Amerikana hi ‘il-konfront finali’ bejn il-President Repubblikan Donald Trump u l-isfidant Demokratiku Joe Biden — it-tnejn rivali kbar li l-animosita tagħhom għal xulxin, waqt il-kampanja, assumiet livell kważi personali…Livell li, minn żmien għal żmien, mar anki ‘il hinn mid-diversi issues delikati li qed ikollhom effett dirett fuq il-ħajja tal-Amerikani.

L-ewwel postijiet tal-votazzjoni nfetħu fl-Isat ta’ Vermont. Dan wara li Trump u Biden, waqt l-aħħar sigħat tal-kampanji rispettivi, indirizzaw lill-partitarji fi Stati ewlenin magħrufin bħala ‘Swing States’ minħabba l-impatt potenzjali tal-vot ‘lokalizzat’ fuq ir-riżultat tal-elezzjoni.

Għalkemm l-aħħar stħarriġ popolari ta’ qabel il-vot kien qed jagħti vantaġġ lil Joe Biden fuq skala nazzjonali, is-sitwazzjoni ma tfissirx li hu kellu jitqies bħala ‘favorit assolut’ għar-rebħa. Dan għaliex l-istħarriġ minn diversi ‘swing states’ bħal Florida, North Carolina u Pennsylvania indikaw li l-kandidati kienu ras-imb-ras f’termini ta’ appoġġ.

L-Istati inkwistjoni huma influwenti ħafna għaliex f’elezzjoni bħal din (fl-Istati Uniti) l-għażla tal-votanti ssir fuq livell ta’ Stat aktar milli bħala vot wieħed ġenerali fuq livell nazzjonali.

Sadanittant, North Carolina u Ohio – żewġ Stati magħrufin bħala ‘battleground states’ għall-importanza tagħhom fl-elezzjoni – kienu fost l-ewwel Stati li vvutaw illum. Ftit wara vvutaw l-Amerikani li jgħixu fl-Istati ta’ Florida, Pennsylvania, Georgia, Michigan, Wisconsin u Arizona.

Ir-rebħa tal-Presidenza tkun ikkonfermata ladarba kandidat jirbaħ talanqas 270 vot mill-Kulleġġ Elettorali. Kull Stat Amerikan rappreżentat f’dan il-Kulleġġ għandu numru partikulari ta’ voti li huma bażati, f’parti, fuq il-popolazzjoni tiegħu. Għaldaqstant, Trump u Biden qegħdin jikkuntestaw għall-538 vot minn dan il-Kulleġġ, skont is-sistema tradizzjonali li tispikka f’kull erba’ snin.

Fil-fatt, hi proprja din is-sistema elettorali – esklussiva għall-Amerikani – li għamlitha possibbli biex Hillary Clinton, il-kandidat tal-Partit Demokratiku fl-elezzjoni tal-2016, titlef l-elezzjoni għall-Presidenza minkejja li hi kienet rebħet l-akbar total ta’ voti madwar l-Istati Uniti.

Fl-istess ħin, din hi elezzjoni ‘b’differenza’ minħabba d-dell tqil li ħalliet il-pandemija tal-coronavirus. Il-pandemija ħalliet effett jerġa’ aktar qalil fl-Istati Uniti milli f’pajjiżi oħra. U waqt l-aħħar ġimgħat tal-kampanji tar-Repubblikani u d-Demokratiċi, l-Istati Uniti reġistrat aktar infezzjonijiet u imwiet relatati  mal-pandemija minn kwalunkwe pajjiż ieħor tad-dinja.

Hu minnu wkoll li l-biża ta’ infezzjoni wasslet għal ‘mewġa bla preċedent’ ta’ Amerikani li vvutaw bil-posta fil-fażi bikrija tal-elezzjoni — dejjem bil-għan li ma jkunux esposti għall-virus.

Sadanittant, waqt li l-Amerikani qed jgħoddu s-sigħat qabel l-ewwel indikazzjonijiet ċari mill-elezzjoni, kien hemm ukoll tħassib dwar inkwiet potenzjali – b’dan il-potenzjal ikun rifless f’numru ta’ miżuri tas-sigurtà quddiem il-White House f’Washington u fi New York.

Fl-aħħar fażi tal-kampanja ta’ Trump spikkaw il-vjaġġi tal-President f’North Carolina fejn qal lill-partitarji tiegħu li ‘is-sena d-dieħla għandha tkun l-aħjar sena ekonomika fl-istorja tal-Istati Uniti.

Meta, imbagħad, ivvjaġġa lejn Scranton, f’Pennsylvania, Trump fakkar lin-nies preżenti li hu, fl-2016, kien rebaħ f’dan l-Istat, minkejja li l-istħarriġ, dak iż-żmien, kien qed jindika ‘telfa ċara’ għall-kandidat Repubblikan. Impenji oħra għal Trump kienu jinkludu rallies fl-Istati ta’ Michigan u f’Wisconsin.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden mar fl-Istat ta’ Pennsylvania fejn il-kantanta Lady Gaga issieħbet miegħu waqt rally f’Pittsburgh. Intant, il-mużiċista John Legend indirizza lill-votanti flimkien ma’ Kamala Harris, il-kandidat tad-Demokratiċi għall-Viċi-Presidenza Amerikana.

Imbagħad, f’Ohio, Biden irrepeta l-messaġġ ewlieni tal-kampanja tiegħu fejn qal lill-votanti li ‘l-elezzjoni tirrigwarda r-ruħ poprju tal-Amerikani’.