Futbol Sport

‘X’Sar Minnhom?’ – L-iskorer prolifiku tas-snin 70 li tilef l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA bi ftit

Fl-istorja tal-futbol Malti, hemm ismijiet ta’ plejers li forsi għax isimhom m’huwiex imniżżel fil-lista ta’ dawk li rebħu l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA, illum m’humiex popolari daqs dawk li rebħu dan l-unur xi darba jew aktar fil-karriera tagħhom. Madankollu r-rubrika tant popolari, ‘X’Sar Minnhom?’ li tixxandar fil-programm tal-Ġimgħa filgħaxija, ‘Replay Preview’, kull ġimgħa qed tlaqqagħna ma’ personalitajiet mill-imgħoddi tal-futbol Malti li għandhom rakkont interessanti taż-żmien tagħhom fil-futbol Malti. Wieħed minn dawn hu l-eks attakkant tat-tim nazzjonali Malti, John Bonett li llum għandu 78 sena.

Fit-tieni intervista mis-sitt sensiela ta’ ‘X’Sar Minnhom?’ fuq Net Television, Christian Micallef iltaqa’ ma’ Bonett u tkellem miegħu dwar l-episodji li kkarateriżżaw il-karriera tiegħu bħala plejer, fis-snin 60 u 70. Hu lagħab ma’ Melita u Sliema Wanderers, u fl-istaġun 1970/71 hu spiċċa t-tieni wara Eddie Theobald, fir-rebħ tal-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFA. Hu kien tilef dan l-unur bi ftit punti, u fl-intervista, Bonett jgħid li jista’ jagħti l-każ li l-fatt li f’dak l-istaġun hu ma kienx lagħab biss ma’ Malta, fil-partita bejn Malta u l-Ingilterra li kienet intlagħbet fl-iStadium tal-Gżira, nhar it-3 ta’ Frar tal-1971, possibilment setgħet għamlet id-differenza biex hu ma jirbaħx dan l-unur f’dak l-istaġun prestiġjuż. Dak in-nhar, Bonett kien fost ir-riservi iżda eventwalment kien lagħab fil-partita l-oħra li ntlagħbet fl-istess sena, kontra l-Ingilterra u f’Wembley Stadium.

Fit-tmiem tal-istaġun 1965/66, Bonett kien spiċċa l-aqwa skorer tal-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti, bl-istess ammont ta’ gowls daqs il-mibki Ronnie Cocks, li kien kollega tiegħu fl-istess tim ta’ Sliema Wanderers.

Segwi l-intervista kollha li saret ma’ Bonett, fir-restorant li jinsab fis-Saqqajja, Il-Veduta, permezz ta’ dan il-link t’hawn taħt:

https://www.facebook.com/ReplayNetTelevision/videos/361723938272139