Lokali

Botta u risposta wara li l-avukati ta’ Yorgen Fenech offrew flus lil ġurnalist tat-Times

Il-ġurnalist qatt ma qalilhom li hu 'private investigator'

L-avukati ta’ Yorgen Fenech ippruvaw jgħaddu flus lill-ġurnalist tat-Times Ivan Martin. Dan kien żvelat mit-Times stess, li ppubblikat ukoll l-istqarrija tal-avukat Gianluca Caruana Curran, li fiha ammetta li offra flus lil Ivan Martin fi tmiem laqgħa li kellhom.

Il-PN fi stqarrija iddeplora dawn l-iżviluppi li ħarġu fil-media ilbieraħ, bid-deputat Therese Comodini Cachia tgħid li mhux biss l-Oppożizzjoni se titlob azzjoni, iżda anke bħala Parlament hemm bżonn ta’ azzjoni biex tiġi assigurata protezzjoni għall-ġurnalisti.

It-Times irrappurtat kif il-ġurnalist tagħha ltaqa’ mal-avukati ta’ Yorgen Fenech fil-Belt Valletta nhar it-Tnejn li għadda għal madwar 20 minuta. Fi tmiem il-laqgħa tagħhom, Caruana Curran offra lil Martin karti tal-€500, iżda l-gurnalist Ivan Martin irrifjutahom. Huwa qal li lanqas jaf kemm kien hemm flus eżatt għax ma ċċekkjax.

Fl-istqarrija li għadda lit-Times, l-avukat Caruana Curran qal li l-ġurnalist ġegħilhom jaħsbu li kien qed joffri s-servizzi tiegħu biex jinnewtralizza r-rappurtaġġ fuq il-każ ta’ Fenech.

L-għada imbgħad ħarġet stqarrija separata.

L-avukati tan-negozjant, akkużat li kien kompliċi fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qed jgħidu li dan kien biss “attakk” fuqhom, u ddeċiedew li ma jibqgħux kwieti.

Huma qed jiċħdu dawk li sejjħu “allegazzjonijiet” li saru mit-Times, u insistew li imxew b’mod etiku. Fissru kif il-ġurnalist Ivan Martin, skont huma, kien interessat li joffri is-servizzi tiegħu – inkluż bħala sors ta’ informazzjoni. U għalhekk kien loġiku li hu jitħallas ta’ dawn is-servizzi.

L-avukat ta’ Fenech qalu li kien il-ġurnalist li b’diżonesta abbuża mill-fiduċja li intweriet minn naħa tagħhom. U qed jitolbu investigazzjoni mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Wara din l-istqarrija, it-Times żvelat li effettivament din kienet it-tieni laqgħa bejn Martin u l-avukati ta’ Fenech. U insistew li l-ġurnalist qatt ma indikalhom li hu qed jiltaqa’ magħhom bħala ‘private investigator’.

Intant, ilbieraħ stess, il-Kamra tal-Avukati kkonfermat li dan il-każ se jmur quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.