Lokali Parlament

Budget li mhux se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani

Maria Deguara,PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara qalet li l-budget mhux se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani.

Meta tkellemt fil-parlament fil-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Maria Deguara qalet li ħafna stennew li dan il-budget jiffoka biex itaffi l-effetti fuq dawk li ntlaqtu l-agħar. Żidiet bħala kumpens fl-għoli tal-ħajja jitħabbru f’kull baġit u suppost dawn jingħataw biex jagħmlu tajjeb għaż-żidiet fil-prezzijiet ta’ firxa ta’ oġġetti fosthom uħud hekk imsejħa u meqjusa essenzjali. Din iż-żieda però ma tħarisx ‘l quddiem imma hija miżura retroattiva.

Din il-konsiderazzjoni hija importanti ħafna speċjalment fejn jidħlu l-anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali. Illum kulħadd konxju li l-kejl kif tiġi ikkalkulata din iż-żieda ma jirriflettix il-verità għax hemm numru ta’ affarijiet u oġġetti illum meqjusa essenzjali li m’humiex inklużi f’dan l-eżerċizzju. Żieda ta’ €5 fil-ġimgħa, li hija t-total ta’ żieda imħabbra ta’ €1.75 kumpens għall-għoli tal-ħajja flimkien maż-żieda oħra ta’ €3.25 COLA hija miżura tajba għalkemm m’hijex biżżejjed.

Dawk l-anzjani ta’ ‘l fuq minn 65 sena u li m’għandhomx pensjoni u oħrajn li għandhom bejn 75 u 80 sena u li jgħixu f’darhom jew f’residenzi privati se jirċievu żieda fil-bonus tagħhom fuq dak li diġà jirċievu ta’ bejn €4.80 u €6 fil-ġimgħa. Kulħadd speċjalment l-anzjani jaf kif splodew il-prezzijiet ta’ ċertu servizzi li ma humiex provduti mingħajr ħlas mil-gvern. L-istess kullħadd jgħid kemm għoliet il-ħajja ta’ kuljum speċjalment l-ikel meta jkollhom bżonn dieti speċjali għad-dijabete, mard tal-qalb u tal-kliewi.

Hi kompliet li minkejja li l-gvern jipprovdi firxa ta’ mediċini mingħajr ħlas, għal numru ta’ mard u kundizzjonijiet oħra kroniċi, jibqa’ l-fatt li l-gvern ma jiprovdhiex il-mediċini kollha. Hemm numru sinifikanti ta’ persuni li jkollhom jixtru l-mediċini jew għax ma jingħatawx b’xejn jew għax dawk li jiprovdilhom il-gvern bħal każ tal-Metformin ikun qed jikkawża effetti kollaterali ħżiena.

Maria Deguara sostniet li jekk din il-miżura qed tirreferi biss għall-għoti tal-pilloli dawk kollha li għandhom bżonn l-injezzjonijiet xorta waħda se jkollhom jkomplu jixtruhom. Injezzjonijiet jiswew madwar €400 u allura tispiċċa ż-żieda mħabbra fil-budget.

Hija ħaġa tajba li l-gvern se jerġa’ jagħti €100 f’forma ta’ vouchers lil kull min għandu l-fuq minn 16-il sena. Però l-mod kif għandhom jintefqu dawn il-vouchers mhix waħda ġusta. Minn din l-għotja ta’ €100, €60 jistgħu jissarfu f’ristoranti u akkomodazzjoni f’lukanda u €40 jissarfu fil-ħwienet u servizzi.

Meta ngħata l-ewwel voucher il-maġġoranza tal-anzjani ma gawdew xejn. La marru jieklu f’ristoranti, la marru weekend breaks, la marru għand il-hairdressers u lanqas marru jagħmlu d-dwiefer. Kien ikun ferm aħjar li kieku l-gvern ta’ għotja ta’ €100 lil kull anzjan u persuni b’diżabilità biex jonfquhom skond il-bżonnijiet partikolari tagħhom.

Il-gvern qal li meta giet introdotta din il-miżura, injettat fl-ekonomija somma ekwivalent għan-nefqa ta’ 40,000 turist. Mela l-għan wara l-vouchers ma kienx biex jibbenifikaw l-anzjani imma kien intiż biss biex jdawwar ir-rota tal-ekonomija u jibbenifikaw ċertu setturi. Eżempju ċar li għal gvern presenti l-ekonomija tiġi qabel kollox.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li meta ġenitur jkollu jieqaf mix-xogħol biex jikkura wild ta’ aktar minn 16-il sena b’diżabilità severa issa se jibda jingħata benefiċċju ta’ €300 fis-sena. Din hija għotja f’posta però hija qatra f’oċean meta tqabilha mas-salarju li kien jaqla’ l-ġenitur. Imma aktar importanti hu l-fatt li l-ewwel pass sar u jeħtieġ li din is-somma tibqa’ tiżdied kull sena.

Bħala oppożizzjoni u ma’ numru ta’ għaqdiet ta’ persuni b’diżabilità ilna nistħqu li hemm bżonn ċentri speċjalizzati għal persuni b’diżabilità meta dawn jgħalqu 16-il sena. Sal-lum m’hawn xejn għalihom.

Kulħadd jaf li biex anzjan ikollu carer idur bih f’daru jeħtieġ li jkollu introjtu tajjeb. Ħadd, anqas dawk l-anzjani bl-ogħla rata ta’ pensjoni kif inhi illum ma jista’ jagħmel tajjeb għal din l-ispiża. Dan il-budget, lil dawn l-anzjani, żiedilhom is-sussidju biex issa minn €5,291 tela’ għal massimu ta’ €6,000 fis-sena għal full-time carers. Ħaġa tajba li tippermettilhom jibqgħu jgħixu fil-komunità però ikun aħjar kieku ġew imħabbra aktar dettalji dwar liema kriterji se jintużaw biex anzjan ikun eliġibbli għal din iż-żieda.

Lanqas ma tħabbret xi inizjattiva dwar miżuri ġodda biex jiġu imsaħħa is-servizzi eżistenti biex numru akbar ta’ anzjani jistgħu jgħixu independentement f’djarhom. Bil-kontra dan il-budget qalilna biss li l-gvern qed jiprepara biex iżied aktar is-sodod għal anzjani sew fir-residenzi pubbliċi kif ukoll jidħol għal aktar proġetti bi sħab mal-privat jew jikri s-sodod minn għandhom. Għal dawk l-anzjani li jixtieqgħu jibqgħu f’darhom kull ma offra dan il-budget barra ż-żieda hu iżjed ċentri għal ta’ matul il-jum u għal matul il-lejl.

Maria Deguara sostniet li mportanti li l-istandards soċjali regolatorji jiġu infurzati mhux biss fir-residenzi iżda wkoll fil-kura tal-anzjani fil-komunità. Minn meta attakka l-COVID-19 f’Marzu li għadda, s-servizzi fil-komunità marru lura. Ħafna minnhom sfaw imnaqsa jew twaqqfu b’detriment tal-anzjani. Dan kompa jwassal biex dawk l-anzjani inkluż il-persuni b’diżabilità komplew jiġu iżolati ġewwa djarhom mingħajr għajnuna ħlief dik mogħotija mil-familjari,

Kien mistenni li dan il-budget jindirizza din il-problema b’emerġenza. Kull ma ntqal hu li ħa jżied mediċini psikjatriċi u li bi ħsiebu jibni sptar għall-kura psikjatrika akuta iżda għadu ma sar xejn.

Is-saving bonds għall-pensjonanti hija inizjattiva tajba u ta’ min jinkorraġġiha. Għar-raba’ sena konsekuttiva nappella lill-gvern biex l-imgħaxijiet ta’ dawn il-bonds jiġu eżentati mit-taxxa għal dawk il-persuni li l-introjtu tagħhom mill-imgħaxijiet ma jaqbżux ċertu ammont.

Dan il-budget lanqas ma ppreżenta soluzjoni li tagħmel tajjeb biex jitnaqqas il-backlog tal-appuntamenti tal-outpatients u tal-investigazzjonijiet u operazzjonijiet li ġew posposti kawża tal-COVID.

In numru dejjem tiela’ ta’ każi ġodda u mwiet ma jserraħ moħħ ħadd. Ma tagħtihomx tort lil-anzjani u dawk vulnerabli jibżgħu għaliex jafu x’ġara f’pajjiżi madwarna. Jafu li ġew diskriminati għaliex fuq il-ventilators bdew jagħtu preferenza lil pazjenti ta’ età zgħira. Bir-raġun l-anzjani waslu għal konklużjoni li jekk ikollhom bżonn jidħlu l-isptar minħabba komplikazzjonijiet anki ta’ l-influenza stagonali mhux ħa jieħdu trattament xieraq, sostniet id-deputat Nazzjonalista.