Il-Prim Ministru tal-Italja, Giuseppe Conte ħabbar li r-reġjuni ta’ Lombardia, Piemonte, Calabria u Valle d’Aosta qed jiddaħlu fil-lista l-ħamra hekk kif fl-aħħar jiem żdiedu sew il-każi ta’ COVID-19.
Dan ifisser lockdown għal dawn ir-reġjuni hekk kif se jitħallew jiftħu biss xi skejjel għal tfal ta’ etajiet żgħar u negozji tal-bżonnijiet neċessarji, bħal farmaċiji.
Se jitħallew ikomplu joperaw ukoll il-parrukkiera u l-barbiera iżda supermarkets, bars u ristoranti se jkollhom jgħalqu.
Residenti ta’ dawn ir-reġjuni se jitħallew joħorġu mid-dar biss għal raġunijiet ta’ xogħol, saħħa jew emerġenzi, kif ukoll għal attività fiżika fil-beraħ, iżda mhux fi gruppi. Għalhekk, ċentri sportivi se jkollhom jgħalqu wkoll.
Sadanittant, reġjuni oħra bħal Puglia u Sqallija ddaħlu f’żona oranġjo, li tfisser li r-ristoranti jridu jgħalqu imma mhux in-negozji.
Hemm ukoll żona safra li tiġbor fiha lil Abbruzzo, Bazilicata, Campania, Emilia Romagna, Lazio, Veneto, Liguria, u l-provinċji ta’ Trento u Bolzano li għandhom miżuri li mhux daqshekk restrittivi.
Il-Prim Ministru Conte ħabbar li m’hemm l-ebda żona ħadra għax il-virus qed jinfirex madwar l-Italja.
Illum biss, fl-Italja instab 3,550 każ ġdid ta’ COVID-19 waqt li mietu 352 persuna oħra għal total ta’ 39,764 vittma mill-bidu tal-pandemija.
//= $special ?>