Lokali

Il-PN se jagħti sehmu biex l-istabbilimenti tal-ikel jgħaddu mill-pandemija u ma jintilfux l-impjiegi

“Aħna rridu li intom ukoll bħala sidien ta’ stabbilimenti tal-ikel tkunu tistgħu timxu ‘l quddiem f’dan iż-żmien ta’ sfida għal kulħadd. Irridu nisimgħukom biex nagħtu s-sehem tagħna sabiex tgħaddu minn dan iż-żmien tal-pandemija mingħajr ma jintilfu l-impjiegi tal-ħaddiema.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Association of Catering Establishments (ACE).

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista jifhem li kull regolament li joħroġ jaffettwa ukoll l-attivita’ tal-istabbilimenti tal-ikel u tista’ tnaqqas il-possibbilta’ kif wieħed ikun jista’ juża l-faċilitajiet disponibbli. Huwa qal li għalhekk il-PN jrid li jkollu laqgħat regolari mal-operaturi fis-settur sabiex jara kif ir-regolamenti u l-liġijiet li jidħlu fis-seħħ maż-żmien qegħdin jolqtu din l-industrija. Għalhekk ukoll, l-Partit Nazzjonalista waqqaf Tim t’Azzjoni biex jiltaqa’ mal-korpi kostitwiti u assoċjazzjonijiet oħrajn fil-ġlieda kontra l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 fuq pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, l-President tal-ACE Ruben Buttigieg qal li mill-proposti li tressqu mill-Oppożizzjoni jidher ċar li l-PN qed jisma’ x’inhu jgħid is-settur, partikolarment il-proposta tal-għajnuna fuq il-kirjiet. Huwa qal li mid-diskorsi tad-Deputati tal-PN jidher ċar li hemm konsultazzjoni mas-settur biex l-Oppożizzjoni tifhem id-diffikultajiet li s-sidien tal-istabbilimenti tal-ikel qegħdin jaffaċċjaw u kif il-businesses huma l-frontliners tal-ekonomija, u allura mhux qegħdin nitkellmu mhux biss fuq il-ħajjiet iżda wkoll fuq l-għixien tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom, li fil-preżent qegħdin ibatu.

Matul il-laqgħa ġew diskussi d-diffikultajiet li s-sidien tal-istabbilimenti tal-ikel qegħdin jaffaċċjaw u d-diversi sitwazzjonijiet differenti li qegħdin jolqtu dan is-settur f’dan iż-żmien tal-pandemija. Saret referenza wkoll għall-proposta tal-PN tal-vouchers u kif il-Gvern adotta din il-proposta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalisa Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, l-Minority Leader tal-PN fl-Imsida Charles Selvaggi u l-membru tal-Forum SME PN (FSMEPN) Julian Galea filwaqt li d-delegazzjoni tal-ACE kienet immexxija mill-President tal-Assoċjazzjoni Ruben Buttigieg.