Edukazzjoni Lokali

“Importanti l-investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel” – MUT

L-MUT tgħid li ser tkompli toffri s-soluzzjonijiet lill-Ministeru sabiex il-qasam edukattiv ikompli jitjieb u jibqgħu jitħarsu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi anki fil-perjodu diffiċli tal-pandemija... b'tama li l-Gvern fl-aħħar mill-aħħar jieħu azzjoni.

Fi stqarrija maħruġa mill-MUT intqal li huwa importanti li jkun hemm investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel ħalli dejjem jibqgħu immodernizzati u mtejba.

L-MUT tisħaq li għandu jkun hemm aktar enfażi wkoll fl-iskejjel eżistenti, partikolarment dawk antiki li għandhom bżonn ta’ manutenzjoni u xogħolijiet sabiex joqorbu lejn l-istandard ta’ dawn l-iskejjel il-ġodda. Sakemm dan ma jsirx, l-MUT qed tinnota distakk bejn skejjel ġodda u sbieħ fuq naħa, u skejjel oħra li jidhru li ġew minsija għal snin sħaħ.

Rigward it-teaching practice, l-MUT ilha snin tisħaq li din hija miżura importanti li budget wara l-ieħor ġiet injorata hekk kif dan ma jaqtax qalb studenti li jkunu qegħdin jagħmlu kors l-Università. Dan b’mod speċjali fid-dawl tal-ispejjeż kbar li jkun hemm biex wieħed jibni r-riżorsi tal-klassi għall-ewwel darba.

Fid-dawl tad-diskors li sar mill-Oppożizzjoni, l-MUT qalet li taqbel ma’ dak li ntqal fejn waħda mill-problemi l-kbar fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hija l-eżodu fil-management fejn hemm nuqqas kbir ta’ nies fit-tmexxija fid-Direttorati. Il-problema hija waħda serja u qiegħed jinħoloq distakk akbar bejn il-management u l-edukaturi.

Ma’ dan l-MUT żżid li, minħabba nuqqas ta’ għarfien, direzzjonijiet li joħorġu xi drabi ma jkunux ċari u jħallu lok sabiex jiġu interpretati b’modi differenti. B’hekk tinħoloq konfużjoni u ċertu kunflitti fl-iskejjel li jistgħu faċilment jiġu evitati, partikolarment waqt pandemija.