Futbol Sport

Juventus b’rebħa komda fl-Ungerija

(Ritratt: EPA)

Juventus komplew fuq tmiem il-ġimgħa u kisbu rebħa ta’ 4-1 fuq Ferencvaros. ALVARO MORATA fetaħ l-iskor wara seba’ minuti, bl-istess plejer jirdoppja mas-siegħa logħob. PAULO DYBALA skorja t-tielet gowl fit-73 minuta.

Fil-Camp Nou, Barcelona kisbu rebħa minima ta’ 2-1 fuq Dynamo Kyiv. Kien LIONEL MESSI li fetaħ l-iskor għal Barcelona wara ħames minuti permezz ta’ penalty. GERARD PIQUE għamilhom 2-0 fil-65 minuta. L-Ukreni daħlu fil-partita fil-75 minuta meta VIKTOR TSIGANKOV għamilhom 2-1.


PSG sfaw megħluba minn RB Leipzig 2-1 biex sofrew it-tieni telfa fil-grupp. Kienu l-Franċiżi li marru fil-vantaġġ wara sitt minuti permezz ta’ ANGEL DI MARIA, bl-istess plejer għaxar minuti wara jfalli penalty. CHRISTOPHER NKUNKU ġab id-draw fit-42 minuta filwaqt li EMIL FORSBERG permezz ta’ penalty fis-75 minuta ta r-rebħa lil RB Leipzig.

Chelsea kisbu rebħa komda ta’ 3-0 fuq Rennes. Kien TIMO WERNER li fetaħ l-iskor wara 11-il minuta permezz ta’ penalty, bl-istess plejer jirdoppja fil-41 minuta b’penalty ieħor wara li Dalbert deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa bl-istess plejer jitkeċċa għat-tieni karta safra. Chelsea aċċertaw mit-tliet punti fil-50 minuta permezz ta’ konklużjoni mill-viċin ta’ TAMMY ABRAHAM.

Mill-istess grupp, Sevilla kellhom jitħabtu biex għelbu lil Krasnodar 3-2. Krasnodar fetħu vantaġġ doppju b’gowls ta’ SULEYMANOV u berg fis-17 u l-21 minuta rispettivament. RAKITIC naqqas l-iskor għal Sevilla fit-42 minuta. Sevilla sfaw jilgħabu b’10 plejers meta Jesus Nava tkeċċa fil-45 minuta. Żewġ gowls ta’ EN-NESYRI fis-69 u fit-72 minuta taw it-tliet punti lil Sevilla.

Borussia Dortmund kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra Club Brugge. THORGAN HAZARD fetaħ l-iskor wara 14-il minuta. ERLING HAALAND irdoppja ħames minuti wara bl-istess plejer jiskorja t-tieni gowl personali u t-tielet wieħed għal Dortmund fit-32 minuta.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Grupp E: Chelsea v Rennes 3-0, Sevilla v Krasnodar 3-2 Grupp F: Zenit v Lazio 1-1, Brugge v B. Dortmund 0-3 Grupp G: Barcelona v D. Kiev 2-1, Ferencvaros v Juventus 1-4 Grupp H: I.Basaksehir v Man Utd 2-1, RB Leipzig v PSG 2-1