Lokali Qorti

L-aħħar ċans għal żagħżugħ li qajjem kjass fil-Qorti

Żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Belt u residenti San Pawl il-Baħar ingħata l-aħħar ċans biex jirriforma ruħu mill-Maġistrat Nadine Lia wara li nstab ħati li waqt li kien fl-Awla numru 7 tal-Qorti, f’kawża li kienet qed issir kontrih qajjem kjass sħiħ u spiċċa biex ħebb għal Surġent u Kuntistabbli tal-Pulizija.

Il-każ seħħ fis-6 ta’ Ottubru tal-2015 meta nqalgħet kommossjoni minn Josef  Xerri waqt li kienet qed tixhed kontrih f’kawża oħra l-eks sieħba tiegħu.

L-imputat kellu jitwaqqaf mill-Pulizija u kellu wkoll jinħareġ mill-awla sabiex titkompla l-kawża u dan peress li beda wkoll jinterrompi lill-Maġistrat.

L-Ispettur Luke Bonello fix-xhieda tiegħu li meta Xerri kien qed jinħareġ mill-awla, kellu  rabja kbira, beda jgħajjar lill-Pulizija, u qal li ‘jrid jaħraq il-Qorti’. Tenna li l-Pulizija iprruvaw jikkalmawh u beda jagħti bis-sieq lil kull min resaq quddiemu.

Huwa nstab ħati li kiser sentenza sospiża u li kiser diversi kundizzjonijiet tal-Qorti u li ma obdiet l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. Huwa ma nstabx ħati li kkaġuna feriti fuq membru tal-Korp tal-Pulizija.

Il-Maġistrat Lia sabitu ħati ta’ ksur ta’ sentenza sospiża u li kiser kundizzjonijiet oħra tal-Qorti, imma qalet li ma taqbilx li għandu jintbagħat il-ħabs, anke jekk donnu ma jridx jirriforma ruħu.

Qalet li sentenza ta’ ħabs tkun  aktar ta’ deni milli ġid għal Xerri. Ikkunsidrat il-fatt li huwa kien għaddej minn kwistjonijiet jaħarqu mal-eks sieħba tiegħu u għalhekk kien għaddej minn perjdu ta’ tensjoni.

Madankollu fis-sentenza tagħha hija wissietu serjament, li dan se jkun l-aħħar ċans għalih. Qaltlu li għandu jaqbad it-triq tar-riforma, ibiddel ir-rotta, għax jekk le, u jerġa’ jikser dufrejh mal-ġustizzja, r-riżultat se jkun ferm differenti.

Huwa tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal perjodu ta’ sena, taħt ordni ta’ trattament, u ġie mmultat  €6,000. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg