Internazzjonali

L-Awstrija: L-ISIS jieħdu responsabbiltà għat-terrur fi Vienna

Il-grupp terroristiku ISIS assuma responsabbiltà għall-isparatura terroristika tat-Tnejn bil-lejl fil-qalba ta’ Vienna  li ssarrfet f’talanqas erba’ mejtin u ‘il fuq minn 20 midruba.

Dan kien l-akbar attakk terroristiku fl-istorja tal-pajjiż, bl-awtoritajiet jiżvelaw li li l-aggressur responsabbli kien jissimpatizza mal-ISIS u li hu, x’aktarx, ‘għażel il-ħin eżatt’ biex jattakka lin-nies fil-bars u r-risoranti.

It-terrur fil-kapitali Awstrijaka, fil-fatt, kellu jseħħ ftit qabel l-istabbilimenti kellhom jagħlqu  għal żmien bħala parti mid-direttiva għal-lockdown li qed ikun implimentat b’kaġun tal-infezzjonijiet bil-coronavirus.

L-aggressur – li l-ISIS identifikah bħala ‘Abu Dagnah Al-Albany’ u ‘suldat tal-Kalifat’ – spiċċa maqtul mill-pulizija li wieġbu b’urġenza għas-sitwazzjoni terribblik li damet għaddejja għal xi 20 minuta. L-istess pulizija, fis-sigħat ta’ wara, arrestaw talanqas 14-il persuna, fosthom ‘allegati kompliċi tat-terrorista’ waqt numru ta’ rejds madwar il-pajjiż.

Din mhix l-ewwel darba li l-ISIS assumew responsabbiltà għal diversi attakki terroristiċi fl-Ewropa. Intant, il-grupp terroristiku, fl-aħħar sigħat, iċċirkola filmat ta’ Al-Albany fejn jidher ‘qed iwiegħed lealtà assoluta lill-Kap tal-ISIS, Abu Ibrahim Al Hashemi Al Quraishi’.

Min-naħa tagħhom, l-uffiċjali Awstrijaċi identifikaw lit-terrorista maqtul bħala Kujtim Fejzulai, li kien ġej oriġinarjament mill-Maċedonja ta’ Fuq u li kellu wkoll ċittadinanza Awstrijaka. L-aggressur kien weħel il-ħabs, f’April tal-2019, talli kien ipprova jivvjaġġa lejn is-Sirja biex jissieħeb mal-ISIS f’dak il-pajjiż.

Fl-istess ħin, l-ISIS ma provdewx il-provi konkreti li t-terrorista kien, fil-fatt, ‘suldat tal-Kalifat’.

Dan meta lanqas mhu ċar jekk it-terrorista wettaqx l-attakk fi Vienna fuq l-ordnijiet speċifiċi ta’ dan il-grupp qattiel – u minkejja li l-ISIS, fl-aħħar jiem, kienu qed jużaw il-mezzi tal-media soċjali biex iħeġġu l-attakki fl-Ewropa mis-sostenituri tal-grupp.

Mhux eskluż, intant, li t-terrorista ‘Abu Dagnah Al-Albany’ iddeċieda li jieħu ‘azzjoni awtonoma’ dritt wara li kien ħalef lealtà lill-ISIS – u mingħajr ma ngħata xi ‘missjoni speċifika’ min-naħa tal-grupp.

Sadanittant, il-Kanċillier tal-Awstrija, Sebastian Kurz, ħeġġeġ biex il-pajjiżi tal-Ewropa jieħdu azzjoni aktar deċiżiva kontra t-terroriżmu. Hu sejjaħ biex l-Unjoni Ewropea tiġġieled kontra ‘l-entità politika tal-Islam’ bħala ideoloġija li tirrappreżenta periklu kbir għall-istil tal-ħajja tal-Ewropej kollha.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Awstrijak għall-Intern, Karl Nehammer, qal li l-attakk ‘storiku’ fi Vienna kien dovut għal ‘terroriżmu mrawwem fil-qalba tal-pajjiż proprju’. Hu indika, fl-istess ħin, l-awtoritajiet ta’ pajjiżu ma kenux qed jistennew li sitwazzjoni bħal din setgħet tiżvolġi b’riżultati daqstant traġiċi u katastrofiċi’.