Internazzjonali

L-Elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti: Tensjoni kbira, bir-rebbieħ għadu mhux deċiż

L-elezzjoni tal-2020 għall-Presidenza tal-Istati Uniti daħlet f’perjodu imprevedibbli  għall-aħħar. Dan meta l-President Repubblikan, Donald Trump, u l-isfidant tal-Partit Demokratiku, Joe Biden, għadhom ras-imb-ras f’numru ta’ Stati importanti (swing states) li għandhom ikunu determinanti għar-rebbieħ tal-White House.

It-tensjoni, fl-aħħar sigħat, kienet riflessa fil-komportament ta’ Trump u Biden – bil-President jinsisti li ‘rebaħ hu l-elezzjoni’ waqt li impenja ruħu biex jisfida l-proċess elettorali fil-Qorti Suprema Amerikana, fost allegazzjonijiet infondati dwar ‘frodi’. Dan wara li Biden, qabel, kien indirizza lill-partitarji Demokratiċi u qalilhom li ‘kien qabad it-triq sew għar-rebħa’.

Is-sistema tal-votazzjoni bil-posta hi fattur importanti f’din is-sitwazzjoni imprevedibbli. Dan meta fadal il-miljuni tal-voti x’jingħaddu, bl-ebda kandidat ma seta’ jinsisti li r-rebħa kienet ‘prattikament tiegħu’.

Kollox qed jindika li ‘rekord ġdid’ ta’ Amerikani, fis-sigħat preċedenti, kienu eżerċitaw id-dritt tal-vot – u li mistenni jkun l-ogħla ammont ta’ votanti f’elezzjoni bħal din għal nofs-seklu. ‘Il fuq minn 100 miljun kienu vvutaw bis-sistema tal-‘early voting’ qabel Jum l-Elezzjoni, waqt li għexieren ta’ miljuni għamlu l-istess nhar it-Tlieta (Jum l-Elezzjoni).

L-indikazzjonijiet, sadanittant, huma li r-riżultat finali tal-elezzjoni jista’ ma jkunx magħruf qabel ġranet oħra.

Sadanittant, Donald Trump mar ħafna aħjar milli ħasbu l-analisti qabel l-elezzjoni meta rebaħ mill-ġdid f’Ohio u Missouri. Dan fost indikazzjonijiet li hu rebaħ ukoll fil-‘battleground states’ ta’Florida, Ohio u Texas. F’elezzjoni bħal din, il-votanti jiddeċiedu r-riżultati fuq livell ta’ Stat u mhux skont eżerċizzju li jirrikjedi riżultat wieħed deċiżiv fuq bażi nazzjonali.

F’din l-elezzjoni jaċċerta mill-Presidenza dak il-kandidat li jirbaħ talanqas 270 vot tal-Kulleġġ Elettorali. Kull Stat Amerikan jikseb ċertu numru ta’ voti skont sistema li tibbaża, f’parti, fuq il-popolazzjoni tiegħu – u meta hemm total ta’ 538 vot x’jinkisbu mill-Kulleġġ Elettorali.

Joe Biden qed jidher favorit li jirbaħ fl-Istat ta’ Arizona, li darba kien fortizza tar-Repubblikani. Fl-istess ħin, it-telfa ta’ Arizona kapaċi tkun daqqa ta’ ħarta serja għall-aspirazzjonijiet ta’ Trump.

L-Istat ta’ Pennsylvania hu kunsidrat kruċjali għall-President Repubblikan biex jevita sitwazzjoni fejn ikollu jwarrab mill-Presidenza wara mandat wieħed biss ta’ poter. Dan meta Pennsylvania u l-Istati ta’ Wisconsin u Michigan, fl-aħħar sigħat, dehru li setgħu jmorru ‘kwalunkwe naħa’.

Imprevedibbli wkoll kienet is-sitwazzjoni fl-Istati ta’ Georgia u North Carolina waqt li l-indikazzjonijiet qed juru li Donald Trump se jirbaħ anki f’Nebraska. Madankollu, Joe Biden irnexxielu jikseb vot mill-Kulleġġ Elettorali għal dan l-Istat, u li kapaċi jkun  kruċjali fil-ġejjieni.

Intant, ma seħħew l-ebda sorpriżi kbar fl-Istati Amerikani l-oħra.

Għajnejn l-Amerikani jinsabu wkoll fuq il-Kungress – il-leġislatura li tibbaża fuq żewġt ikmamar – fejn ir-Repubblikani qed jippruvaw iżommu l-maġġoranza fis-Senat wara l-votazzjoni sussegwenti. Dan waqt li l-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington mistennija tibqa’ ikkontrollata mid-Demokratiċi.