Lokali

Nissaħħu Flimkien biex nirrispettaw dak li jagħmilna Maltin u nsaħħu l-iżvilupp soċjali – PN

Fil-viżjoni tiegħu bit-12-il pilastru l-PN jerġa’ jtenni li jemmen fil-ġurnaliżmu bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija tagħna u jemmen ukoll fil-wirt u l-kultura tagħna u għalhekk tressqu proposti konkreti sabiex dawn is-setturi jgħaddu wkoll minn dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija u biex ħadd ma jaqa’ lura fis-soċjeta tagħna.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja Therese Comodini Cachia qalet li l-PN jtenni l-appoġġ sħiħ lill-ġurnalisti u ġurnaliżmu li ma jinxtarax, dan ukoll fid-dawl ta’ dak li ġie żvelat ilbieraħ, u rridu niżguraw l-protezzjoni tal-ġurnalisti minn kull xkiel. Hija qalet li l-PN ressaq proposti għat-tisħiħ tal-ġurnaliżmu li attiraw l-attenzjoni tal-Ministru u għalhekk se titlob laqgħa biex tinsisti dwar il-htiega li jiġu fis-seħħ miżuri biex nassiguraw ġurnaliżmu ħieles.

Dwar il-kultura hija qalet li l-PN se jibqa’ jinsisti li ninvestu fil-protezzjoni tal-wirt kulturali u ninvestu wkoll fis-setturi kreattivi u kulturali. Comodini Cachia qalet li l-PN ressaq viżjoni għas-setturi kulturali u kreattiv b’miżuri li jgħinu biex ma nitilfux it-talent pool f’dawn is-setturi u nixprunaw il-kultura tal-lum fiż-żmien tal-pandemija.

Nibqgħu viċin l-istakeholders f’dawn is-setturi u magħhom nfasslu l-viżjoni għas-setturi kulturali u kreattiv biex in-nies ikunu jistgħu jibqgħu igawdi attivitajiet u proġetti kulturali.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Gvern Lokali u l-Komunitajiet Karl Gouder  saħaq li pajjiż bla bażi artistika soda, midja b’saħħitha u li ma jirrispettax il-wirt kulturali tiegħu jkun pajjiż bla ruħ. Dawn huma żminijiet diffiċli għall-artisti u jeħtieġ li nieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex insalvaw is-settur artistiku. Huwa qal li l-Kunsilli lokali għandhom rwol kruċjali f’dan il qasam u ħeġġeġ sabiex jitnieda fond minfejn il-Kunsilli jkunu jistgħu jużaw fondi sabiex jidħlu f’proġetti ta’ fejda għall-wirt kulturali.

Karl Gouder qal li ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn il-kunsilli bħala entitajiet li jiġbru l-iskart u li jieħdu ħsieb il-bozoz biss. Matul is-snin rajna Kunsilli li kienu attivi ħafna fil-qasam kulturali, u iktar minn qatt qabel irridu naraw li nagħtu biżżejjed rizorsi lill-kunsilli biex ikunu jistgħu jimirħu iżjed fis-settur artistiku. Għalhekk il-PN qed issejjaħ għal fondi speċjali biex jiġu żviluppati korsijiet fejn ir-residenti jkunu mhux biss jistgħu japprezzaw il-wirt kulturali imma wkoll jiżviluppaw ħiliet artistiċi ġoda.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali Ivan Bartolo qal li stħarriġ tal-NSO juri li d-distakk fid-dħul bejn min jaqla’ ħafna u min jaqla’ ftit qed jikber. 1 minn kull 5 persuni qegħdin f’din is-sitwazzjoni u hemm ukoll il-working poor, li dejjem jiżdiedu. F’dan il-kuntest tressqet il-proposta tal-living income li tiżgura dħul diċenti għal kulħadd, u l-PN qed jipproponi t-twaqqif ta’ Poverty Watch Unit biex it-83,000 persuna fil-faqar nippjanaw għalihom ukoll.

Huwa semma’ stħarriġ tal-Eurostat fejn jirriżulta li 1 minn kull 10 persuni f’Malta jgħix f’post imdallam u li jagħmel lil pajjiżna wieħed mill-iktar pajjiżi li joffri djar mudlama fl-Ewropa. Ivan Bartolo qal li hawn iktar minn 300 persuna jorqdu fi djar mhux siguri jew fil-karozza, għalhekk il-PN jrid li bis-serjeta’ titwettaq valutazzjoni mill-ġdid tal-politika nazzjonali dwar il-faqar biex tirrifletti l-isfidi soċjali emerġenti f’pajjiżna meta imkien m’hemmx strateġija fit-tul u meta l-faqar kontinwament jinbidel.

Il-Kunsillier tal-PN f’Wied il-Għajn Errol Cutajar qal li rridu nissaħħu flimkien għax il-benefiċċji mressqa fil-baġit jindirizzaw biss l-immedjat u jippermettu biss li l-persuna tibqa’ fl-istess stat li tinsab fih. Għalhekk il-PN ressaq ‘il quddiem it-12-il pilastru b’viżjoni, għax jeħtieġ li jsir investiment fi strateġija, fi programmi edukattivi b’miri speċifiċi u pakketti finanzjarji adattati biex inwasslu lil pajjiżna fejn kulħadd ikollu l-għarfien, il-kapaċita’ u l-għodda meħtieġa għall-futur u biex iħaddem il-pjattaformi teknoloġiċi biex ħadd ma jibqa’ lura. Huwa għamel referenza għal stħarriġ magħruf bħala Expat Insider fejn fil-kwalita’ tal-ħajja, pajjiżna niżel mis-6 post fl-2016 għall-41 post is-sena li għaddiet. Errol Cutajar tkellem ukoll fuq persuni impjegati b’sub-contracting ma’ entitajiet pubbliċi, li ma jkunux impjegati mas-settur pubbliku, b’kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri u bi ftit tama li jistgħu jimxu ‘l quddiem fil-karriera.