Lokali Parlament

Nuqqas ta’ impenn mill-gvern fl-isport, żgħażagħ u l-volontarjat

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-gvern qed juri nuqqas ta’ impenn fl-isport, iż-żgħażagħ u l-volontarjat.

Fid-dibattitu parlamentari dwar il-Ministeru tal-Edukazzjoni d-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li jeħtieġ iktar importanza għall-konsultazzjoni. Dwar iż-żgħażagħ hu qal li dawn huma l-preżent u l-futur bil-fatti; għall-PN iż-żgħażgħ huma fiċ-ċentru tal-politika.

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ hu fuq l-istess linja ta’ ħsieb tal-PN dwar iż-żgħażagħ, li llum qed jesperjenzaw problemi mhux biss minħabba l-COVID. Fl-università kien hemm food bank fejn 80 student għamel użu minnu; dan ifisser li l-faqar fil-pajjiż hu preżenti anki fost iż-żgħażagħ.

Id-deputat Nazzjonalista qal li l-politika tal-gvern għandha tasal anki għand l-istudenti li jispiċċaw l-iskola fil-Form 5 u jidħlu mill-ewwel fix-xogħol. Jeħtieġ li ma jitnaqqas l-istipendju meta l-istudenti jagħżlu li jmorru work phase waqt li jkunu qed jistudjaw; dan ma jsirx b’kapriċċ iżda biex jgħinu lill-familjari tagħhom. Il-gvern qed jaqta’ dan l-istipendju; din id-deċiżjoni żbaljata għandha tkun revokata.

Dwar l-attiviżmu fil-ħajja politika, hu qal li dan se jkun diskuss fil-parlament taż-żgħażagħ u staqsa x’sar minnu l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ għax fil-budget ma kienx hemm pjani fl-immedjat. Hu fakkar kif kienu l-kunsilli lokali li taw pjattaforma politika liż-żgħażagħ. Hu tratta l-Aġenzija Żgħażagħ u qal li għadu ma rċieva l-ebda invit biex jieħu sehem f’attivitajiet ta’ din l-Aġenzija.

Robert Cutajar tkellem dwar il-volontarjat u qal li fil-budget m’hemmx miżuri favur dan is-settur; hemm biss umiljazzjoni. Il-gvern baqa’ ma qabilx mal-proposta tal-PN biex l-għaqdiet ikunu eżentati mill-kirjiet; issa anki l-Kunsill tal-Volontarjat qed jikkritika lill-gvern dwar dan is-settur.

Il-gvern għadu ma inkludiex il-proposta tal-PN biex il-volontarjat jkollu sħubija fl-MCESD; fuq kollox l-NGOs jħaddmu iktar minn 5,400 persuna. L-għaqdiet kienu qed jistennew għajnuna diretta waqt il-pandemija; il-gvern għandu jeżenta mill-VAT imħallsa mill-NGOs. Il-wage suppliment ukoll għandu jkun estiż għaliex hawn għaqdiet volontarji li jinsabu fi kriżi minħabba l-pandemija.

Meta tkellem dwar l-isport, Robert Cutajar qal li gvern Nazzjonalista kien għamel 60 proġett f’60 xahar; liema proġetti kellhom effetti pożittivi fis-soċjetà. Hu appella biex il-proġetti ma jsirx bħax-shooting range f’Ta’ Kandja għaliex parti minnha diġà mhux tintuża.

Huma t-tiraturi Maltin li qed ibatu għax hemm nuqqasijiet kbar f’din ix-shooting range. Dwar Equestri Malta hu qal li din l-Awtorità kellu jkollha rappreżentanza tas-settur kollu taż-żwiemel għax kull sport hu importanti anki jekk dan ikun żgħir. L-għaqdiet sportivi kollha għandhom jibbenefikaw minn dan il-budget.

Il-PN nieda wkoll kampanja kontra l-obeżità fejn 24 għaqda wasslu dan il-messaġġ permezz ta’ 80 atleta. Hu rrikonoxxa l-ex atleti li tant taw kontribut fil-passat; kontribut li qed isir permezz tal-Kumitat Olimpiku Malti.

Hu tkellem dwar iż-żieda fil-ħaddiema fi Sport Malta u staqsa kif kien hemm żieda fil-ħaddiema. Robert Cutajar qal li l-PN talab għal qabża ta’ kwalità fi Skola Sport biex din tkun post-sekondarju u qed jistaqsi x’sar mill-liġi tal-kummerċjalizzazzjoni. Il-gvern qed iwiegħed biss lid-dilettanti tal-isport tal-karozzi iżda ma jwettaqx, sostna Robert Cutajar.